Il-UĦM Voice of the Workers kienet profetika meta kważi sena ilu kienet ikkummentat, permezz tar-rivista elettronika tagħha Voice of the Workers, dwar il-qagħda fil-pajjiż u kienet saħqet li din il-leġiżlatura hi tassew karatterizzata minn ġrajjiet li juru kriżi fil-governanza.
Fi stqarrija l-UĦM Voice of the Workers qalet li f’dawn l-aħħar jiem il-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża kif ukoll l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) ħarġu qatta’ bla ħabel u kkummentaw b’mod voċiferu dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna.
Iż-żewġ imsieħba soċjali rreferew dwar il-kwistjoni tal-governanza fi spazju ta’ jumejn.
F’laqgħa mal-Prim Ministru nhar it-Tlieta, Anton Borg, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, stqarr bla tlaqliq li, “m’għandniex inwarrbu r-responsabbiltajiet tagħna biex nesprimu t-tħassib tagħna dwar kwistjonijiet marbutin mal-governanza u nħalluhom jippersistu”
.
Arthur Muscat, il-President tal-MEA, qal fil-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni, li l-postazzjoni ta’ Malta ’l isfel fl-indiċi internazzjonali tal-korruzzjoni “mhix indikazzjoni ta’ governanza tajba”.
Il-UĦM qalet li dawn il-kummenti huma eku ta’ x’kienet qalet il-Voice of the Workers fil-ħarġa tar-rivista elettronika pubblikata fit-3 ta’ Marzu 2016 bit-titlu ‘Kriżi fil-governanza’.
Għalhekk il-UĦM Voice of the Workers kienet ħadet sehem fid-dimostrazzjonijiet nazzjonali – għax ma tridx li d-demokrazija tibqa’ tkun mittiefsa; għax ma tridx li l-libertà tal-espressjoni tkun mhedda; u lanqas ma trid li nibqgħu ngħixu fil-korruzzjoni u fid-dell tagħha.
Il-UĦM qalet ukoll li trid li l-meritokrazija taġevola lil min verament ħaqqu u li l-affarijiet ikunu trasparenti, mhux fl-għama.
//= $special ?>