Diversi residenti fis-Swieqi illi tkellmu ma’ netnews.com.mt jinsabu ferm inkwetati minħabba ż-żieda kbira fl-ammont ta’ serq mid-djar u mill-ħwienet tal-lokal.
L-inkwiet kompla jiżdied fil-bidu tal-ġimgħa wara li fost in-nies tas-Swieqi ġriet l-aħbar illi persuni mhux magħrufa wettqu serqa straordinarja minn ħanut li jinsab fil-lokal.
Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela li kmieni l-Ħadd filgħodu seħħet serqa minn ħanut tal-ħaxix. F’din is-serqa, illi jidher li saret għall-ħabta tas-6am, insterqu mhux biss flus kontanti iżda anke deheb.
Jidher li l-ħallelin serqu safe li kien fil-post, u t-total ta’ ammont ta’ flus li insterqu jaqbżu sew il-€120,000. Il-ħanut jinsab fi Triq il-Qasam, li hija waħda mit-toroq l-aktar li tintuża f’din iz-zona.
Għalkemm il-Pulizija ma ħarġu l-ebda stqarrija dwar dan il-każ serju, kelliema għall-Korp ikkonfermatilna dawn ir-rapporti kontinwi li waslulna mingħand diversi residenti fl-aħħar 48 siegħa.
Dwar din is-serqa infetħet ukoll inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.
Il-każ tal-Ħadd mhuwiex wieħed iżolat. Fis-Swieqi, is-serq qed ikun wieħed kontinwu. Dan il-ġurnal huwa nfurmat li fl-aħħar jiem fi Triq l-Ibraġġ saret ukoll serqa minn residenza privata.
U din il-ġimgħa, waqt li l-Pulizija kienu iffukati fuq id-delitt ta’ David Abela fi Triq il-Ġiżi, fl-istess ħin kien hemm attentat ta’ serqa fuq dar oħra.
F’kummenti lil Net News is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat qal illi din il-kwistjoni tas-serq fil-lokalita’ hija “sitwazzjoni inkwetanti immens”.
Muscat spjegalna li ilu “4 snin u nofs Sindku, u qabel dejjem konna inkwetati fuq vandaliżmu. Meta infetħet l-għassa bdejna nirrealizzaw li hemm ukoll realtajiet oħra – b’mod partikolari is-serq kontinwu, u l-vjolenza domestika.”
Is-Sindku tas-Swieqi esprima it-tħassib tiegħu minħabba din il-mewġa ta’ serq, u qal illi hemm bżonn “aktar patrols mill-Pulizija għax in-nies mhux iħossuhom siguri”.
Noel Muscat inkwetat ukoll għall-fatt li dawn is-serqiet qed jiġru fid-dawl tax-xemx.
//= $special ?>