Il-kandidat konservattiv għall-Presidenza ta’ Franza, Francois Fillon, kompla jsofri d-disfatti fil-kampanja, b’mod partikulari wara alleat politiku ssospenda l-appoġġ tiegħu.
Il-Partit UDI taċ-ċentru – li għandu 27 deputat fil-kamra t’isfel tal-Parlament – qal li deċiżjoni finali dwar l-appoġġ (tal-partit) lil Fillon għandha tittieħed il-ġimgħa d-dieħla.
Dan wara li sar magħruf li Francois Fillon qed jiffaċċja investigazzjoni formali dwar skandlu li kien jinvolvi ‘xogħol finta’ tal-Istat għall-mara tiegħu. Min-naħa tiegħu, Fillon, eks Prim Ministru Franċiż, qed jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina.
Intant, Bruno Le Maire, il-kelliem għall-Affarijiet Barranin u ekskollaboratur ewlieni ta’ Fillon, iddeċieda biex ma jkomplix jgħin il-kampanja tal-kollega. Le Maire, fost oħrajn, ikkritika lill-kandidat konservattiv talli kiser il-wiegħda tiegħu li jwarrab mill-kampanja għall-Presidenza, f’każ li kellu jispiċċa taħt investigazzjoni formali u bħalma seħħ fil-fatt.
Francois Fillon, issa, żvela li jrid jitla’ quddiem imħallef fil-15 ta’ Marzu; jumejn biss qabel id-deadline għall-kandidati biex jissottomettu l-applikazzjonijiet finali. L-ewwel round tal-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża se jsir fit-23 ta’ April, waqt li mistennija tieni fażi deċiżiva fis-7 ta’ Mejju.
//= $special ?>