Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar daqq l-irtirata wara li ta’ x’jifhem li Konrad Mizzi u Keith Schembri huma suspettati u investigati dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Kien waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad ippreżentat minn Frank Psaila meta l-Kummissarju qal li ma setax jagħti informazzjoni minħabba l-Artiklu 112 tal-Kapitlu 164 tal-Liġijiet ta’ Malta,
L-Artiklu 112 tal-Kapitlu 164 b’mod mill-aktar ċar jgħid li ebda uffiċjal tal-Pulizija m’għandu jagħti dettalji lill-midja dwar l-identità ta’ xi ħadd li jkun arrestat fuq suspett raġonevoli li jkun għamel xi reat. Il-Pulizija m’għandhomx l-anqas joħorġu lill-istampa, sew direttament jew indirettament, xi informazzjoni dwar l-identità tal-persuna li tkun se tiġi akkużata quddiem il-qrati jew b’xi investigazjoni li tkun tirrigwarda lil xi ħadd suspettat.
Dan għalhekk wassal lill-preżentatur Frank Psaila biex fil-programm stess jagħmel kuntatt mal-avukat Dr. Joe Giglio li kkjarifika li dak li qal il-Kummissarju jindika li kemm Konrad Mizzi u Keith Schembri huma suspettati, għalkemm sa issa għadna ma smajniex b’din l-aħbar. Dr. Joe Giglio qal li iżda sa issa għadna ma nafux jekk is-suspettati humiex arrestati jew se jitressqu l-Qorti.
Imma l-Kummissarju Lawrence Cutjar daqq l-irtirata, u permezz ta’ stqarrija maħruġa l-għada tal-programm irtira l-kummenti tiegħu billi qal li ġie misinterpretat. Fl-istess stqarrija, il-Kummissarju qal li fl-24 ta’ Marzu 2016 kien diġa ntqal li ma rriżulta ebda suspett raġonevoli li twettaq reat kriminali li jista’ jwassal għal investigazzjoni.
“Ir-rapport f’In-Nazzjon huwa biss interpretazzjoni skorretta tal-mod kif wieġeb il-Kummissarju tal-Pulizija. L-ispirtu tal-Artiklu 112 tal-Att dwar il-Pulizija huwa sabiex ma jiġux diskussi każijiet speċifiċi fil-mezzi tax-xandir” tgħid l-istqarrija tal-Pulizija. U dan minkejja li l-artiklu tal-liġi kkwotat mill-Kummissarju speċifikament jirreferi għal persuni li jkunu suspettati, investigati jew li jkunu se jitressqu l-Qorti.
Madanakollu fil-jiem li għaddew ħareġ li r-rapport tal-FIAU dwar l-iskandlu tal-Panama jitlob għall-prosekuzzjoni ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Imma xi jiem ilu, il-Prim Ministru farfar ir-responsabbiltà ta’ investigazzjoni kriminali fuq il-Kummissarju tal-Pulizija.
Bl-irtirata tal-Kummissarju tal-Pulizija jiġi kkonfermat li r-rapport tal-FIAU għadu fuq l-ixkaffa.
//= $special ?>