Lokali

Frank Testa jirtira mit-tmexxija tal-inkjesta; il-Gvern jaħtar eks kandidat tal-PL

Frank Testa li hu viċin ħafna tal-Ministru Manuel Mallia

Jumejn wara li l-Gvern għażel l-avukat Frank Testa biex imexxi l-inkjesta dwar indħil politiku minn politiċi tal-Gvern f’każ ta’ traffikar tad-droga, illum fi stqarrija l-Gvern ħabbar li Testa talab li jirtira mill-inkjesta.

Testa, li kellu kritika qawwija wara li nstab li kien qrib ħafna tal-Ministru Manuel Mallia, qal li kien qed jirtira wara li sab li hemm parentela familjari bejn persuna involuta f’dan il-każ u persuna impjegata fl-istess uffiċċju legali fejn jaħdem hu.

Il-Gvern sadanittant, minfloku biexi mexxi din l-inkjesta ħatar eks kandidat tal-Partit Laburista, l-avukat John Vassallo.

Akkost ta’ kollox, Muscat ma jridx inkjesa indipendenti – PN

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan, il-Partit Nazzjonalista qal li akkost ta’ kollox, Muscat ma jridx inkjesta indipendenti biex tinvestiga lill-Ministri tiegħu stess dwar indħil politiku f’każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li wara li Frank Testa kellu jirtira mit-tmexxija tal-inkjesta, issa Muscat kompla jgħaxxaqha billi ħatar eks kandidat tal-Partit Laburista biex suppost isib sarx indħil politiku.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li bħal Frank Testa, John Vassallo hu wkoll viċin il-klikka korrotta ta’ Kastilja, tant li, minbarra li kien kandidat tal-Partit Laburista fit-tmeninijiet, ftit tal-jiem ilu, l-istess Kastilja ħatritu Deputy Chairman tal-Awtorità tal-Artijiet.

Frank Testa kellu jirtira minn din l-inkjesta wara li nkixef li hu viċin ħafna tal-Ministru Manuel Mallia, li kien il-Ministru tal-Pulizija meta seħħ l-allegat indħil fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex.

F’dan il-każ gravissimu sostna l-Partit Nazzjonalista, statement dwar traffikar tad-droga nbidel wara l-intervent ta’ żewġ politiċi tal-Gvern ta’ Muscat.

Bil-ħatra ta’ John Vassallo, Muscat qed juri li assolutament ma jridx li ssir inkjesta serja u indipendenti iżda inkjesta paraventu li tagħtih ir-riżultat li jrid.

Dwar ħaddieħor, Muscat joħroġ jiġri jappunta inkjesta bl-Imħallfin, għal wieħed, tnejn, tlieta. Imma fil-każ tiegħu stess, jew ma jaħtar xejn jew jaħtar inkjesti fażulli.