Ambjent Lokali

Il-Kaċċaturi San Ubertu jgħidu li “il-bidwi kien provokat”

"Din hija trejqa privata b'tabella li turi li ħadd ma jista' jidħol fl-art tal-bidwi"

“Dan hu bidwi fil-propjeta tiegħu, ipprovokat u mxandar fl-aħbarjiet”. Hekk stqarret fuq Facebook l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu b‘reazzjoni għall-filmati li tpoġġew ilbieraħ fuq l-internet u li juru grupp ta’ persuni li kienu qed iduru biż-żwiemel fil-kampanja fiż-żona ta’ Fomm ir-Riħ illi sabu raġel li waqqafhom u riedhom iduru lura.

Kif jidher f’dan il-filmat, wara xi ħin jinsisti li jitilqu miż-żona, viżibilment agressiv, ir-raġel mar jaqbad ġebla u beda jheddidhom biha. Dan wassal biex kif jidher fil-filmat, iż-żwiemel ukoll bdew jirreaġixxu u dan seta’ jwassal biex iż-żwiemel jisfrattaw.

Dakinhar stess il-persuni konċernati rrapurtaw lil dan ir-raġel l-għassa tal-Mosta.

Skont il-Kaċċaturi San Ubertu, din hija trejqa privata b’tabella li turi li ħadd ma’ jista’ jidħol.

Il-post li tħalla fuq Facebook mill-Kaċċaturi San Umbertu

Huma qalu illi “l-fatt li tneħħa l-awdjo juri ċar li dan sar biex jixħet dell ikrah fuq il-bidwi. Jidher ċar li l-bidwi wissa li dawk riekba ż-żwiemel u hu ġie provokat meta dawn ma’ tawx każ ta’ kliemu u sfidawh biex jipprova li l-post kien privat”.

Il-kaċċaturi qalu li l-media missa tistħi xxandar dan it-tip ta’ provokazzjoni mingħajr ma’ turi x’intqal mill-bidwi dwar ħwejġu.