Lokali

Il-Kummissarju tal-Pulizija daqq l-irtirata għax pupazz ta’ Muscat – il-PN

Il-ħatra ta' Lawrence Cutajar bħala Kummissarju tal-Pulizija
"F’anqas minn 24 siegħa, l-Kummissarju tal-Pulizija dawwar kliemu ta’ taħt fuq. Mhux ta’ b’xejn, il-poplu Malti u Għawdxi mhux biss tilef il-fiduċja fil-Gvern, iżda anke fil-Korp tal-Pulizija"

Wara li għal darba, tnejn, tlieta, waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li ma jistax jagħti informazzjoni dwar nies li jkunu qed jiġu investigati u suspettati, issa l-Kummissarju qed idoqq l-irtirata, proprju għax hu pupazz tal-Prim Ministru. Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Aktar: Il-Kummissarju jdoqq l-irtirata dwar Konrad Mizzi u Keith Schemrbi; ara x’qal il-Kummissarju lbieraħ u llum

Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li ilbieraħ, il-Kummissarju tal-Pulizija kien ċar fi kliemu: ma jistax jagħti dettalji “ta’ xi ħadd li jkun arrestat fuq suspett raġjonevoli li jkun għamel xi reat”, jew “persuna li tkun se tiġi akkużata quddiem il-qrati jew b’xi investigazzjoni li tkun tirrigwardja lil xi ħadd suspettat”. Dan ifisser li – skont kliem il-Kummissarju – Konrad Mizzi u Keith Schembri, minimament, kien qed jikkonsidrahom bħala suspettati u investigati, u li jistgħu jkunu taħt arrest, u saħansitra akkużati quddiem il-Qorti.

Issa, l-Kummissarju tal-Pulizija, bla dubju wara ħasla minn Kastilja, daqq l-irtirata u qal li ma riedx jgħid li dak li qal u li mhux veru Keith Schembri u Konrad Mizzi qed jiġu investigati. “Hekk irid Muscat, u hekk qal il-Kummissarju” żied jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li dan il-gideb u t-taħwid diġà seħħ ftit tal-ġimgħat ilu, meta l-ewwel, il-Ministru Carm Abela qal fil-Parlament li Keith Schembri u Konrad Mizzi qed jiġu investigati, imbagħad ftit tas-siegħat wara, il-Prim Ministru giddeb lill-istess Ministru tiegħu.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed ukoll jikkwota risposta tal-Pulizija fi żmien il-Kummissarju ta’ qablu, fl-24 ta’ Marzu 2016 u li kienet tgħid li “ma rriżulta ebda suspett raġjonevoli li twettaq reat kriminali li jista’ jwassal għal investigazzjoni.”

Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kummissarju tal-Pulizija, iżda, għax pupazz ta’ Muscat qed iqarraq bin-nies għaliex dakinhar li l-Pulizija kienet qed tgħid li ma hemmx suspetti biex tinvestiga lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi peress li la kienu ħarġu d-dettalji tal-iskandlu tal-Panama Papers mill-ICIJ; la kien ġie żvelat il-fatt li dawn pruvaw jiftħu kontijiet sigrieti f’disà banek differenti; la kien ġie ppreżentat ir-rapport tal-FIAU lill-Pulizija; u wisq anqas kien hemm l-indikazzjonijiet – kif ikkonfermaw il-membri tal-Parlament Ewropew – li dan hu textbook case of money laundering.

“F’anqas minn 24 siegħa, l-Kummissarju tal-Pulizija dawwar kliemu ta’ taħt fuq. Mhux ta’ b’xejn, il-poplu Malti u Għawdxi mhux biss tilef il-fiduċja fil-Gvern, iżda anke fil-Korp tal-Pulizija, li jinsab immexxi minn Kummissarju pupazz li Muscat poġġieh hemm biss biex ma jinvestigax lill-id il-leminija u l-id ix-xellugija tiegħu” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.