Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May qalet li l-abbozz tal-Gvern biex jixpruna t-tluq tal-pajjiż mil-Unjoni Ewropea irid ikun approvat ‘mingħajr ma jsirulu l-emendi’. L-intervent ta’ May seħħ wara disfatta għall-abbozz, fil-House of Lords ta’ Londra, fuq il-kunċett ta’ protezzjoni għaċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit.
Il-membri (peers) tal-House of Lords, f’nofs il-ġimgħa, sfidaw lil Theresa May u vvutaw favur emenda tal-Oppoizzjoni li tiggarantixxi d-drittijiet tan-nazzjonali tal-UE fir-Renju Unit ‘ta’ wara l-Brexit ( il-proċess biex il-pajjiż ma jiffurmax aktar parti mill-unjoni ta’ Stati Ewropej)’.
Intant, kelliema għall-Prim Ministru May qalu, f’Londra, li hi għadha ‘impenjata’ biex tirrispetta d-deadline ħalli Artiklu 50 għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE ikun attivat sal-aħħar ta’ Marzu.
In-nies madwar May qalu li l-messaġġ tagħhom lid-deputati tal-Parlament ( House of Commons) ta’ Londra hu li l-abbozz għall-Brexit jgħaddi mingħajr ma jsirulu l-emendi.
Il-messaġġ kompla li ‘id-deputati tal-House of Commons, aktar qabel, kienu vvutaw biex l-abbozz jgħaddi mingħajr emendi u issa mistenni li dan iseħħ xorta waħda ( irrispettivament mid-disfatta fil-House of Lords).’
Il-Gvern Britanniku qal li filwaqt li jrid jaċċerta mid-drittijiet futuri taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea fir-Renju Unit, jeħtieġ ukoll li jkun jista’ jaċċerta (fl-istess ħin) minn drittijiet reċiproki għaċ-ċittadini Britanniċi residenti fl-UE.
L-abbozz, issa, mistenni jitressaq mill-ġdid quddiem il-Parlament ta’ Londra fit-13 u l-14 ta’ Marzu.
//= $special ?>