In-numru ta’ koppji li tilfu l-embrijuni tagħhom waqt proċess ta’ IVF wara ħsarat tekniċi f’inkubatur f’Mater Dei tela’ għal disa’. Fi Frar li għadda, NET News kien żvela li kien hemm tmien koppji li tilfu l-embrijuni tagħhom, iżda issa nistgħu niżvelaw li kien hemm koppja oħra li tilfet l-embrijuni, bit-total jitla’ għal disa’ koppji.
Tmien nisa kienu ġew impjantati bl-embrijuni nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar, filwaqt li mara oħra kellha l-embrijuni impjantati l-għada, nhar is-Sibt 28 ta’ Jannar. L-ewwel impjantazzjonijiet kienu saru dakinhar stess li l-inkubatur tal-IVF fl-isptar Mater Dei kien instab mitfi wara xi ħsarat tekniċi fl-isptar. Filfatt, l-inkubatur kien instab mitfi fis-27 ta’ Jannar filgħodu.
Jirriżulta li għalkemm l-inkubatur kien instab mitfi minħabba ħsarat tekniċi, il-koppji kienu ġew mitluba jiffirmaw karta biex jaċċettaw il-possibiltà li l-IVF ifalli. Dan kien sar mingħajr ma ġew mgħarrfa li sa filgħodu stess, l-inkubatur kien instab mitfi. FIlfatt, l-ebda koppja li kellha l-embrijuni fl-inkubatur li nstab mitfi ma kellhom suċċess fl-IVF, tant li kollha rċevew riżultati negattivi fil-11 u t-18 ta’ Frar li għadda.
Sadanittant, l-istess koppji għadhom qed jitħallew fil-limbu dwar il-pass li jmiss. Fil-proċess tal-IVF, il-koppji jħallsu aktar minn €3,000 f’mediċni għalkemm is-servizz jingħata b’xejn mill-Gvern għall-ewwel tliet ċikli. Il-koppji kienu ġew mgħarrfa li se jingħataw kumpens, jew tal-anqas, jerġa’ jkollhom tliet ċikli oħra b’xejn. Madanakollu sa issa għadhom ma ġewx mgħarrfa b’żviluppi ġodda.
Skont il-Ministeru tas-Saħħa, bħalissa qed issir inkjesta dwar dan il-każ. Madanakollu, sa issa għad ma kienx hemm żviluppi dwar l-andament ta’ din l-inkjesta. Dwar dan, tkellmet ix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg numru ta’ jiem ilu fil-Parlament, fejn staqsiet fiex waslet din il-inkjesta waqt li talbet lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jerfa’ r-responsabbiltà dwar dak li seħħ.
Claudette Buttigieg ikkundannat il-mod kif il-koppji ntlabu jiffirmaw karta biex jaċċettaw il-possibiltà li jfallilhom l-IVF. “Xi pretendew? Li l-koppji jgħidu li ma jaċċettawx?” staqsiet Buttigieg fil-Parlament, waqt li kkundannat il-mod kif b’dan il-mod, l-awtoritajiet ikkonċernati tefgħu ir-responsabbiltà fuq koppji vulnerabbli li x-xewqa tagħhom kienet li jsiru ġenituri. Claudette Buttigieg temmet tappella lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne biex ma jibqax għaddej b’dan “is-silenzju li jtarrax” u minnufih jgħid lil dawn il-koppji x’se jkun qed jiġri minnhom.
//= $special ?>