Il-Kap tal-PN Simon Busuttil f’laqgħa mal-lecturers tal-Fakultà tas-Social Wellbeing
Statistika dwar l-inflazzjoni turi li r-rata tal-inflazzjoni qabżet il-1.7% filwaqt li fuq l-ikel biss ir-rata tal-inflazzjoni telgħet għal 5.6%. Minn dan qed jintlaqtu l-iktar il-familji bi dħul baxx għax dawn ikollhom persentaġġ qawwi tad-dħul tagħhom li jmur għall-ikel u għalhekk l-iktar li jbatu huma dawk l-iktar fil-faqar.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt laqgħa mal-lecturers tal-Fakultà tas-Social Wellbeing tal-Università ta’ Malta li saret fid-Dar Ċentrali. Hu kien akkumpanjat minn Paula Mifsud Bonnici, Shadow Minister għall-Politika Soċjali, mid-Deputat Stephen Spiteri, kelliem dwar il-Housing u l-Ġlieda kontra l-Faqar u mill-Kandidat Chris Sansone.
Il-lecturers kienu mmexxija mid-Dekan tal-Fakultà, Andrew Azzopardi. Din il-fakultà titratta l-iktar issues ta’ politika soċjali bħalma huma l-faqar u anke l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Simon Busuttil qal li fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, minflok pajjiżna sejjer il-quddiem, pajjiżna sejjer lura u hemm kollass f’dan is-settur. Hu rrefera għal Gender Gap Index tal-World Economic Forum li fih Malta mill-84 post erba’ snin ilu, illum niżlet fil-108 post u fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi pajjiżna waqa’ lura f’kull qasam.
Il-Kap tal-PN qal li hu tajjeb li l-Fakultà tas-Social Wellbeing twassal biex ikun hawn nies professjonali li jkunu hemm għal dawk li jkollhom, bżonn għajnuna u pariri fil-qasam soċjali.
Andrew Azzopardi qal li ż-żieda tal-inflazzjoni fuq l-ikel tolqot lil dawk il-familji li jkollhom paga baxxa u hu inkwetanti anke l-faqar fost it-tfal.
Hu qal li l-Fakultà tas-Social Wellbeing hi waħda mill-ikbar fakultajiet fl-Università u fl-aħħar ħames snin kompliet tikber tant li llum għandha madwar 1,000 student u studenta u madwar 80 akkademiku.
Hu qal li l-Fakultá taħdem f’oqsma li huma importanti għas-soċjetà bħalma huma s-social work u l-psikoloġija. Andrew Azzopardi qal li l-Fakultà għandha responsabbiltà li żżomm idejha fuq il-polz tas-soċjetà u għalhekk taħdem ma akkademiċi involuti fil-qasam tal-politika.
Id-Dekan tal-Fakultà tas-Social Wellbeing qal li fl-aħħar xhur il-Fakultà ħasset il-bżonn li tirreaġixxi dwar diversi oqsma u anke ħarġet diversi stqarrijijiet dwar il-faqar fost it-tfal, il-vjolenza, il-kriminalità, il-baġit u oqsma oħra. Hu qal li hu dmir tal-Fakultà li tagħti lis-soċjetà pożizzjonijiet studjati permezz ta’ riċerka. Il-Fakultà qed tieħu wkoll inizjattivi fosthom osservatorju b’data dwar x’qed jiġri fil-qasam soċjali.
//= $special ?>