Deniro Magri, li hu akkużat li spara u qatel lil Sylvester Farrugia fil-Marsa fit-12 ta’ Frar li għadda, ma sparax biex joqtol iżda kien qed jipprova jbeżża’ lil żewġt irġiel li kienu se jqabbdulu daru.
L-Avukat Difensur ta’ Deniro Magri nsistiet dwar dan meta llum intemmet il-kumplikazzjoni kontra Magri. Sylvester Farrugia kien instab mejjet quddiem karozza Toyota, fi Triq Simpson fil-Marsa, ftit bogħod minn fejn joqgħod Deniro Magri.
Fi stqarrijiet li ta lill-Pulizija, Deniro Magri ammetta li spara fuq żewġt irġiel li kien ra quddiem id-dar tiegħu. Wara, hu kien rema’ l-arma, li baqgħet ma nstabitx.
L-Avukat Giannella de Marco qalet li Magri kien irċieva diversi theddid u kien infixel meta, permezz tas-CCTV cameras, kien ra lill-irġiel quddiem il-bieb tad-dar u kien beża’ li kienu se jpoġġu bomba mal-bieb.
Gianella de Marco qalet li għalkemm Deniro Magri kien spara, ma kienx hemm provi li Sylvester Farrugia kien eventwalment inqatel mill-balal li spara, tant li qalet li ma nstabux traċċi ta’ demm quddiem id-dar ta’ Magri.
L-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud, f’isem il-Prosekuzzjoni, qal li Deniro Magri qatt ma qal lill-Pulizija dwar xi theddid, kif ukoll lanqas informa lill-Pulizija dwar l-inċident tal-isparar. Anzi, minflok fittex il-protezzjoni tal-Pulizija, hu kien bagħat lis-sieħba tiegħu u lil ibnu ‘l barra mid-dar qabel ma rema’ l-arma.
L-Ispettur qal li ġar kien spjega lill-Pulizija li hu kien sema’ żewġ sparaturi li kienu qishom ta’ senter.
Matul is-seduta, il-Maġistrat Aaron Bugeja ma ddeċidiex jekk l-akkużat jingħatax ħelsien preventiv sakemm tittieħed deċiżjoni jekk Magri hux se jitpoġġa taħt att ta’ akkuża mill-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>