Futbol Sport

Zidane kuntent bir-ritorn ta’ Benzema ma’ Franza

Benzema u Zidane

Il-kowċ ta’ Real Madrid Zinedine Zidane hu kuntent li l-attakkant Karim Benzema se jirritorna mat-tim nazzjonali Franċiż. Benzema ilu sospiż mit-tim nazzjonali sa minn Novembru tal-2015 wara li kien akkużat li kien involut f’każ ta’ rikatt li kien għamel lil sieħbu stess tat-tim, Mathieu Valbuena.

Matul dawn l-aħħar jiem Noel Le Graet, President tal-Federazzjoni tal-Futbol fi Franza issa ta l-permess lill-kowċ nazzjonali Didier Deschamps biex isejjaħ lil Benzema għall-partiti li jmiss.

It-tim, fl-24 ta’ Marzu hu impenjat biex jilgħab barra minn daru kontra l-Lussemburgu f’logħba valida mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.

“Karim ilu jistenna dan il-mument. Il-fatt li issa l-bibien tat-tim nazzjonali huma miftuħin għalih hu fattur ferm pożittiv għalih. Jien inqis lil Benzema bħala wieħed mill-aqwa plejers ta’ Franza u qed ngħid dan mhux għax jilgħab ma’ Real Madrid. Bla dubju se jkun utli għal Deschamps la darba jirritorna,” qal Zidane.