Lokali Qorti

Biżżejjed provi biex Deniro Magri jitpoġġa taħt att ta’ akkuża

Ix-xena tal-omiċidju fejn instab mejjet Sylvester Farrugia fit-12 ta' Frar 2017

Il-Qorti iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex Deniro Magri, ta’ 27 sena mill-Marsa, jitpoġġa taħt att ta’ akkuża b’rabta mal-qtil ta’ Sylvester Farrugia. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba għall-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €30,000.

Kundizzjonijiet oħra imposti mill-Qorti li ma jħallix il-gżejjer Maltin, li ma javviċinax direttament jew permezz ta’ terzi, lix-xhieda tal-prosekuzzjoni u membri tal-pulizija, li ma jersaqx lejn iż-Żurrieq u li jirrapporta fl-għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun.

Deniro Magri tressaq il-Qorti fit-13 ta’ Frar 2017 akkużat fost oħrajn bil-qtil volontarju ta’ Sylvester Farrugia.

Fit-tmiem il-proċess ta’ kumpilazzjoni, id-difiża sostniet li għalkemm ammetta li spara tiri, il-fatti juru li Magri ma sparax biex joqtol lil xi ħadd iżda biex jiddefendi ruħu minn persuni li ħaseb li se jagħmlulu bomba wara l-bieb. Id-difiża qalet ukoll li ma kienx hemm traċċi ta’ dmija quddiem ir-residenza tal-akkużat u ma kienitx stabbilita rabta diretta bejn is-sejba tal-katavru u l-isparatura. Id-difiża kkontendiet ukoll li mill-filmati tal-cameras tas-sigurta’ jidher ċar li kien hemm persuni oħra li kienu viċin il-mejjet fil-ħin meta seħħ ir-reat. Fl-aħħarnett, id-difiża sostniet li irrispettivament minn dan kollu, dan hu każ klassiku ta’ difiża leġittima.

Fid-digriet tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja, fakkar li fl-istadju ta’ kumpilazzjoni, il-Qorti tal-Maġistrati ma tidħolx fi kwistjonijiet ta’ mertu u m’għandhiex is-setgħa li tistabilixxi jekk hux każ ta’ difiża leġittima jew le. Dawk is-setgħat huma tal-Qorti Kriminali jew tal-Qorti tal-Maġistrati bħala qorti tal-ġudikatura kriminali.

Id-delitt kien seħħ kmieni fit-12 ta’ Frar 2017 meta l-vittma Sylvester Farrugia instab mejjet fi Triq Simpson fil-Marsa. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija irriżulta li Farrugia inqatel b’tir li kien sparat ftit ‘il bogħod minn fejn instab, fi Triq San Pawl, preċiżament quddiem ir-residenza tal-akkużat. Mill-investigazzjonijiet deher ukoll li Sylvester Farrugia, flimkien ma’ żewġ persuni oħra, allegatament ipprovaw jagħtu n-nar lill-bieb ta’ barra tar-residenza ta’ Magri. Magri ra din l-attivita’ suspettuża permezz ta’ camera tas-sigurta’ u allegatament spara għax beża’ li kienu se jpoġġu bomba bih u l-familja tiegħu ġewwa. L-arma li ntużat fid-delitt u l-balal sparati għadhom ma nstabux.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud. L-Avukati Giannella De Marco, Gianluca Caruana Curran, Franco Debono u Marion Camilleri qed jassistu lil Deniro Magri.

L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher parte civile għall-familja tal-vittma.