Lokali

“Hija perikoluża meta Ministru jikser id-Drittijiet tal-Bniedem”

L-Editorjal ta’ The Malta Independent ikompli jżid mal-lista ta’ kritika li ħarġet dwar il-liġi tal-media u l-malafama – liġi li se toħnoq il-liberta’ tal-espressjoni.

“Hija perikoluża ħafna li Ministru deliberament jikser id-Drittijiet tal-Bniedem meta hu avżat u jaf li qed jikser il-prinċipji tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Id-Drittijiet tal-Bniedem mhumiex kumdita’ li jistgħu jitwarbu faċilment minn Ministru. Hi tat-tkexkix, partikolarment meta ġejja mill-Ministru tal-Ġustizzja, li meta jiġi biex jagħżel – jagħżel li jikser id-Drittijiet tal-Bniedem milli josservahhom” – kienet din id-dikjarazzjoni iebsa mill-Editorjal tal-gazzetta The Malta Independent dwar l-atteġjament tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.

L-Editorjal ta’ The Malta Independent toħroġ bi kritika qawwija għal mod kif qed iġib ruħu l-Ministru Owen Bonnici dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-media u l-malafama – abbozz li se joħnoq il-liberta’ tal-espressjoni f’pajjiżna.

L-artiklu ppublikat stqarr li minkejja li Owen Bonnici hu l-Minsitru li jitkellem bil-ħlewwa dwar kollox u kulħadd, u li jrid li kulħadd jemmnu li hu l-vuċi tar-raġuni u l-moderazzjoni – Owen Bonnici hu l-istess Ministru li nhar it-Tlieta fil-Parlament infexx jattakka lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Barra minn hekk, għas-sorpriża ta’ dawk kollha li segwew is-seduta Parlamentari Owen Bonnici kkontradixxa u kritika żewġ pedamenti tal-liġi – id-Dekan tal-Fakulta tal-Liġi Kevin Aquilina u anke l-prinċipji li joħorġu mis-sentenzi tal-każijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

The Malta Independent qalet li Owen Bonnici hu l-Ministru li f’intervista magħhom prova jikkonvinċihom li dan l-abbozz ta’ liġi kien immirat sabiex ineħħi l-libell kriminali – mentri imbagħad sar magħruf li din kienet se timponi fuq kull sit online li jikteb dwar aħbarijiet kurrenti li jirreġistra mal-Gvern.

Il-kritika qawwija kontra l-Ministru Owen Bonnici u dan l-abbozz ta’ liġi li se joħnoq il-liberta’ tal-espressjoni ġejja minn kull faxxa tas-soċjeta’. Ftit tal-ġimgħat ilu lettur tal-liġi dwar il-Media fl-Universita’ ta’ Malta Antonio Ghio kritika lill-Minsitru Owen Bonnici u qallu li kieku kien student tiegħu ma kienx jgħaddih. Fuq dan tkellem ukoll Ġorg Mallia, l-Kap tad-Dipartiment tal-Media u Komunikazzjoni fl-Universita’ ta’ Malta, fejn qal illi mossa bħal din iġġib lil Gvern jidher bħala wieħed awtokratiku – tant li l-Gvern ma jmissux jieħu dan il-pass. Il-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem Arthur Muscat ukoll żied li abbozz bħal dan propost mill-Gvern hu ispirat minn pajjiżi fejn l-liberta’ tal-espressjoni hi mhedda.

Iżda minkejja l-kritika li saret minn diversi niesm il-Gvern Laburista qed jibqa’ għaddej bl-aġenda tiegħu – li toħnoq il-liberta’ tal-espressjoni. Dan ifisser skont il-Ministru Owen Bonnici, kulħadd huwa żballjat, minbarra hu.