Lokali

Il-Pulizija se tibda tibgħat messaġġi onlajn biex twaqqaf l-abbużi tat-tfal

Permezz ta’ din l-inizjattiva, diversi persuni li jużaw l-mezzi soċjali biex jikkomunikaw bejniethom se jkunu qed jirċievu messaġġ sabiex jinfurmahom illi huwa reat kriminal li persuna tniżżel materjal li fih jidher abbuż tat-tfal.

Tnediet operazzjoni mill-Pulizija sabiex jitwaqqaf it-tixrid onlajn ta’ materjal abbużiv għat-tfal. Għal din l-operazzjoni, il-Pulizija Maltija qed tingħaqad ma’ Pulizija f’diversi Stati Membri oħra u ilhom jaħdmu fuqha għal dawn l-aħħar xhur.

Filfatt, permezz ta’ din l-inizjattiva, diversi persuni li jużaw l-mezzi soċjali biex jikkomunikaw bejniethom se jkunu qed jirċievu messaġġ sabiex jinfurmahom illi huwa reat kriminal li persuna tniżżel materjal li fih jidher abbuż tat-tfal. Dawn il-messaġġi se jkunu qed jintbgħatu minn kompjuters mħaddma mill-Pulizija madwar l-Ewropa.

Fil-passat, uħud persuni li nqabdu jxerrdu dan it-tip ta’ materjali, u ġew identifikati, kienu arrestati, investigati u mressqa l-Qorti. Dan ifisser li l-Pulizija se tkompli taħdem sabiex persuni li jiksru l-liġi jiġu mressqa quddiem il-ġustizzja.

Dan l-eżerċizzju qed isir bis-sapport tal-Aġenzija Ewropea tal-Pulizija, il-EUROPOL.