Futbol Sport

Inċident ikrah għal Fernando Torres

Fernando Torres weġġa' ħames minuti mit-tmiem

Fernando Torres jinsab f’kundizzjoni stabbli l-isptar wara li sofra injury f’rasu fil-partita bejn Atletico Madrid u Deportivo La Coruna lbieraħ filgħaxija. Atletico qalu li l-eks attakkant ta’ Liverpool, Milan u Chelsea se jinżamm l-isptar għal osservazzjoni. L-inċident seħħ ħames minuti mit-tmiem meta l-iskor kien 1-1, b’Torres jaħbat ras ma’ ras ma’ Alex Bergantinos.

L-inċident tant kien ikrah li kien hemm inkwiet kbir miż-żewġ settijiet ta’ plejers, b’Torres jinħareġ fuq stretcher u jittieħed l-isptar b’ambulanza. L-internazzjonali Spanjol ta’ 32 sena ħareġ stqarrija fejn qal li kienet qatgħa kbira u jittama li jirritorna ma jdumx.

Il-kowċ ta’ Atletico Diego Simeone qal fil-konferenza stampa ta’ wara l-logħba li jinsab inkwetat u nervuż wara inċident bħal dak fejn qal li sema’ l-impatt minn fuq il-bank, ra kif waqa’ u kienu qed jibżgħu, fejn saħansitra qal li ma kinux jafu li l-ħoss li semgħu jekk kienx għonq Torres jew le.

It-tim ta’ Simeone spiċċa fi draw ta’ 1-1 wara b’Antoine Griezmann iġib id-draw fit-68 minuta wara li Florin Andone kien poġġa lil Deportivo La Coruna fil-vantaġġ fit-13-il minuta.