Lokali Qorti

Inċident li fih mietet omm ta’ tarbija: 350 siegħa xogħol fil-komunita’ u €80 multa

Il-Qrati tal-Ġustizzja - Arkivji
Barbara kien għaddej b'veloċita' ta' 105km/s fi Triq Houel. Dan spiċċa biex tilef il-kontroll tal-vettura fil-liwja bil-konsegwenza li nqalbet u baqgħet titkaxkar sakemm baqgħet dieħla fit-Toyota misjuqa mill-vittma li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.

Żagħżugħ ta’ 26 sena kien ikkundannat iservi 350 siegħa xogħol fil-komunita’ u €80 multa wara li nstab ħati li kkaġuna inċident tat-traffiku li fih kienet tilfet ħajjitha omm ta’ tarbija ta’ sena.

L-inċident kien seħħ f’Lulju tal-2010 fi Triq Houel fin-Naxxar meta l-ħati Matthew Barbara, li dakinhar kien għad kellu 18-il sena, kien qed isuq karozza tat-tip Mitsubishi Pajero u kien involut f’ħabta frontali ma’ karozza Toyota misjuqa minn Rosianne Azzopardi, omm ta’ tarbija ta’ sena. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.50a.m. Il-mara mietet mad-daqqa filwaqt li t-tarbija, li kienet abbord fil-vettura ma’ ommha, ma sofriet ebda ġrieħi.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Antonio Micallef Trigona, ikkwotat mir-rapport tal-perit tekniku li stabilixxa li Barbara kien għaddej b’veloċita’ ta’ 105km/s fi Triq Houel. Dan spiċċa biex tilef il-kontroll tal-vettura fil-liwja bil-konsegwenza li nqalbet u baqgħet titkaxkar sakemm baqgħet dieħla fit-Toyota misjuqa mill-vittma li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.

Il-Qorti iddikjarat li jirriżulta b’mod lampanti li ż-żagħżugħ kien responsabbli għall-inċident. Irriżulta wkoll li Barbara kienet għadu kemm ġab il-liċenzja tas-sewqan ftit ġranet biss qabel l-inċident. “Sfortunatament għall-mara li mietet mal-ħabta, l-imputat ma għarafx li vettura, hi x’inhi, iżjed u iżjed ta’ cilindrata li kien qieghed isuq l-imputat, hija arma li trid timmaniġġja b’destrezza,” tenna l-Maġistrat Micallef Trigona.

Madanakollu, il-Qorti qieset li sentenza ta’ priġunerija mhux adatta f’dawn iċ-ċirkostanzi u għaldaqstant poġġiet liż-żagħżugħ taħt ordni ta’ 350 siegħa xogħol fil-komunita’ u mmultatu €80. Il-Qortni ordnat ukoll il-konfiska tal-vettura u s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan ta’ Matthew Barbara għal tliet xhur.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Taliana.