Lokali Unjoni Ewropea

“Insult lejn l-intelliġenza tal-poplu”

Li l-Partit Laburista jipprova jieħu l-merti ta’ dak li mhux tiegħu issa saret xi ħaġa komuni, iżda li jipprova jattaka lill-Gvern Nazzjonalista fuq l-Fondi Ewropej hija insult lejn l-intelliġenza tal-poplu Malti. Hekk stqarret ix-Shadow Minister għall-affarjiet Barranin u Ewropej Roberta Metsola wara li llum id-Deputat Mexxej Louis Grech u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg taw l-impressjoni li l-Gvern preċidenti tal-PN ħalla 70% tal-fondi Ewropej allokati jiġu mitlufa.

Hija qalet li din l-istqarrija min-naħa tal-Gvern preżenti hija kompletament falza. L-istqarrija tenniet li l-Gvern Laburista kien konxju tal-fatt li kien hemm perjodu ta’ tliet snin wara l-amministrazzjoni fil-Gvern tal-PN li dawn setgħu jintużaw. Fl-istqarrija Metsola sostniet ukoll li kien hemm ħafna mill-proġetti mill-fondi tal-UE li kienu ġa bdew, u allura ma kinitx tkun ta’ problema li l-fondi Ewropej jibqgħu jintużaw fuq dawn il-proġetti.

Kulħadd jaf li l-proġetti minn dawn il-fondi jitħallsu la darba l-proġett ikun lest u dan jixhed li l-fatt li l-fondi ma ntużawx minħabba li l-proġetti kienu għaddejin hija biss propoganda falza.

“Fuq din ir-rata mhux se tkun sorpriża jekk il-ġimgħa d-dieħla l-Partit Laburista jipprova jerġa’ jikteb l-istorja mill-ġdid biex jieħu l-kreditu għal €2.5 biljuni fl-iffinanzjar tal-UE li kienu miġjuba għal Malta mill-Gvern Nazzjonalista.”

L-istqarrija għalqet li l-Partit Nazzjonalista ma jistenna l-ebda gratitudni mill-Partit Laburista iżda mhux se jħalli lill-Partit Laburista jikteb l-istorja b’mod negattiv bħal ma’ sar jagħmel ta’ spiss.