Lokali

“L-inkjesta tikkonferma li jien qatt ma ndħalt” – Beppe Fenech Adami

"Jiena qatt ma ndħalt f’ebda proċess tal-ħidma tal-Pulizija jew l-Avukat Ġenerali"

“Wara erba’ xhur ta’ gideb u tfiegħ ta’ tajn fil-konfront tiegħi, llejla, r-rapport tal-inkjesta mwaqqaf mill-Prim Ministru spiċċa sploda f’wiċċu għaliex jikkonferma li, kif dejjem għedt, jiena qatt ma ndħalt f’ebda proċess tal-ħidma tal-Pulizija jew l-Avukat Ġenerali” dan qalu l-viċi kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Ir-rapport tal-inkjesta jikkonferma li Beppe Fenech Adami:

  • qatt ma ndaħal jew kellem lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar f’xi investigazzjoni dwar il-kumpanija Capital One;
  • qatt ma ndaħal jew kellem lill-xi uffiċjal tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar xi talbiet li kellhom il-pulizija dwar il-kumpanija Capital One;
  • qatt ma kien involut fl-operat tal-istess kumpanija;
  • qatt ma kien mgħarraf minn xi awtorità, nkluż l-MFSA, li kien hemm xi investigazzjoni dwar xi tranżizzjonijiet ta’ Capital One;
  • qatt ma abbuża mill-pożizzjoni tiegħi ta’ Membru Parlamentari.

B’hekk, il-bużżieqa li ilu jonfoħ Muscat reġgħet infaqgħet f’wiċċu. Din hi l-politika ta’ Muscat: jigdeb u jitfa’ t-tajn mingħajr ebda provi.

Dan mhux l-ewwel każ ta’ gideb u tfigħ ta’ tajn bla provi kontra Beppe Fenech Adami. Ix-xahar li għadda, l-Qorti kkonfermat il-kampanja giddieba u qarrieqa tal-klikka korrotta ta’ Kastilja dwar każ li ġie vvintat meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama.

L-istrateġija ta’ Muscat li jitfa’ t-tajn biex kulħadd jidher maħmuġ daqsu u l-Gvern korrott tiegħu reġgħet falliet.

B’rabta ma’ dan fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li dan il-każ huwa bużżieqa oħra li nfaqgħet f’wiċċ il-Prim Ministru Joseph Muscat. Qal li wasal iż-żmien sabiex il-politika Maltija tinħeles minn din il-manipulazzjoni.

Twitter tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil