Lokali

“Se nimmisjawk Brian” – Il-funeral se jsir għada

Il-funeral ta' Brian Spiteri iċ-Ċumpaqq se jsir għada fis-1.30 ta' wara nofsinhar fil-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa

Wara t-telfa ta’ Brian Spiteri, magħruf bħala ċ-Cumpaqq, bosta nies daħlu fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook jiftħu qalbhom bid-dispjaċir tagħhom wara l-inċident li seħħ.

Ħafna mill-ħbieb u qraba li kitbu lil Brian fuq Facebook semmew uħud mill-memorji li qattgħu flimkien u li se jibqgħu jgħożżu tul ħajjithom kollha.

Il-funeral ta’ Brian Spiteri se jsir għada fis-1.30 ta’ wara nofsinhar fil-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa.

Brian Spiteri ta’ 57 sena mill-Mellieħa li hu l-uniku iben tal-ex Deputat Nazzjonalista Carm Lino Spiteri magħruf bħala iċ-Ċumpaqq, tilef ħajtu traġikament l-Erbgħa filgħaxija wara li waqa’ tliet sulari minn fuq il-bejt tad-dar tiegħu.

Il-każ seħħ fi Triq l-Etna, fil-Mellieħa stess, meta minn informazzjoni li għandu NetNews jirriżulta li Brian Spiteri tela’ fuq it-tromba tal-bejt biex jiftaħ il-vit tat-tank tal-ilma wara li l-plumber li kellu jaħdem fid-dar, telaq u nesa’ jiftaħhulu.

Għal xi raġuni mhux magħrufa hu waqa’ waqt li kien qiegħed jiftaħ il-vit tal-ilma.