Lokali

Taf jekk ismek jinsabx fir-Reġistru Elettorali?

L-applikazzjonijiet kollha taċ-ċittadini Maltin iridu jaslu għand Identity Malta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu

Id-data tal-għeluq għar-reġistri elettorali għall-elezzjonijiet ġenerali, għall-kunsilli lokali u għall-Unjoni Ewropea riveduti li jmisshom ikunu ppubblikati f’April, hija l-31 ta’ Marzu.

Il-persuni kollha ta’ nazzjonalità Maltija u tal-Unjoni Ewropea li għandhom 18-il sena u fuqhom u li isimhom ma jidhirx fir-reġistru elettorali ppubblikat f’Ottubru 2016, u li għadhom m’applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw kemm-il darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji. Il-persuni kollha ta’ nazzjonalità Maltija u tal-Unjoni Ewropea li għandhom 16-il sena u fuqhom u li isimhom ma jidhirx fir-reġistru elettorali tal-kunsilli lokali ppubblikat f’Ottubru 2016, u li għadhom m’applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw kemm-il darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji.

Huwa fl-interess tal-votanti rreġistrati li jivverifikaw li d-dettalji personali tagħhom kif jidhru fir-reġistru elettorali ta’ Ottubru 2016 huma korretti. Għandhom jaraw ukoll li l-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq kif ukoll in-numru tal-karta tal-identità tagħhom jidhru sew fir-reġistri msemmija.

Il-votanti rreġistrati għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju Elettorali b’kull tibdil/korrezzjoni meħtieġa. Dawk il-persuni li jixtiequ japplikaw għar-reġistrazzjoni bħala votanti jew għal tibdil/korrezzjoni fir-reġistru elettorali, għandhom jagħmlu hekk billi japplikaw simultanjament għall-karta tal-identità elettronika fl-uffiċċju tal-e-ID Cards (ċittadini Maltin) u tal-e-Residence Cards (ċittadini tal-Unjoni Ewropea). Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq il-website tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt) taħt is-sezzjoni “MISTOQSIJIET”.

Il-Kummissjoni Elettorali tixtieq tfakkar lill-pubbliku bil-faċilità online fejn wieħed jista’ jara jekk hux irreġistrat bħala votant fl-aħħar reġistru elettorali ppubblikat. Dan jista’ jsir billi tidħol fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt) fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u tagħfas il-buttuna “Nista’ nivvota?”.

L-applikazzjonijiet kollha taċ-ċittadini Maltin iridu jaslu għand Identity Malta Agency, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda jew 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, u għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea l-applikazzjonjiet iridu jaslu għand id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza, Pjan Terran, Evans Building, Misraħ Sant’Iermu, il-Belt Valletta jew eResidence Unit, Ministeru għal Għawdex, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu, 2017.