Lokali Qorti

Titnaqqas il-piena ta’ anzjan li ġibed filmati indeċenti ta’ minorenni

Id-difiża kienet appellat ukoll sabiex il-Qorti tapplika piena alternattiva minflok priġunerija minħabba l-eta’ avvanzata tal-ħati. Il-Qorti ċaħdet u qalet li ma tara l-ebda raġuni biex tagħmel dan. “Huwa kien konxju ta’ dak li qiegħed jagħmel. Ċertament kien matur biżżejjed biex jirrealizza li kien qiegħed jikser il-liġijiet tal-pajjiż u b’dak li qiegħed jagħmel seta jwassal biex jitrawmatizza serjament il-vittmi tiegħu. Huwa uża l-qerq biex japprofitta mill-inġenwita’ tal-minorenni,” iddikjarat il-Qorti.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali naqqset il-piena ta’ priġunerija fil-konfront ta’ Giuseppe Calleja ta’ 76 sena li nstab ħati li eċċita u ffaċilita’ l-korruzzjoni ta’ minorenni u li kellu stampi, ritratti u/jew filmati indeċenti li jinvolvu persuni taħt l-eta’. Oriġinarjament, Calleja kien akkużat li kkorrompa żewġt itfal iżda nstab ħati biss fil-konfront ta’ waħda minnhom u kien ikkundannat għal sentejn ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati f’Ottubru tal-2013. Il-Qorti ordnat ukoll li ismu jitniżżel fir-reġistru tal-persuni ħatja ta’ reati ta’ natura sesswali.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef David Scicluna, innutat li l-Qorti tal-Maġistrati kienet imponiet il-piena li kienet fis-seħħ fil-mument li nqatgħet il-kawża, li kienet iktar ħarxa minn dik li kienet fis-seħħ meta sar ir-reat.  Fil-fatt, ir-reat seħħ fi Frar 2005 u l-computer tal-akkużat kien elevat mill-puliżija f’Awwissu tal-2007. Il-piena għal aċċess permezz ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjoni għal materjal indeċenti li juri persuni taħt l-eta’ kienet miżjuda fil-Kodiċi Kriminali fl-aħħar tal-2007.

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti naqqset il-piena minn sentejn priġunerija għal sena u tliet xhur priġunerija.