F’għeluq is-sentejn mindu sar Arċisqof ta’ Malta, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jibda Viżta Pastorali fl-Arċidjoċesi ta’ Malta. Din il-Viżta Pastorali ser tlaqqgħu aktar mill-qrib man-nies fis-70 parroċċa. Il-Viżta Pastorali tal-Arċisqof Scicluna f’kull parroċċa ser issir fuq numru ta’ ġranet u tinkludi laqgħat ta’ djalogu ma’ realtajiet differenti f’kull parroċċa, u mumenti ta’ talb biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. L-Arċisqof ser isib ħin ukoll biex iwassal il-ħniena tal-maħfra ta’ Alla permezz tal-qrar, u biex iżur familji li għaddejjin minn diffikultajiet jew li jħossuhom emarġinati.
Fi stqarrija intaqal li fuq xewqa tal-Arċisqof, il-Viżta Pastorali ser tiffoka fuq tliet oqsma ewlenin tal-ħidma pastorali tal-Isqof u tal-Knisja: il-Liturġija, b’enfasi fuq il-mod kif tiġi ċċelebrata l-Quddiesa, l-Evanġelizzazzjoni, jiġifieri l-inizjattivi li permezz tagħhom l-Insara qed iwasslu l-Bxara t-Tajba, u d-Djakonija, il-ħidma tal-Knisja b’risq il-fqar u l-emarġinati fuq livell parrokkjali.
Il-Viżta Pastorali tal-Arċisqof Charles J. Scicluna ser tibda fl-aħħar ta’ Marzu fil-parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi. Matul il-Viżta Pastorali, l-Arċisqof ser jiltaqa’ ma’ dawk preżenti għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, kemm is-Sibt filgħaxija kif ukoll il-Ħadd filgħodu, filwaqt li ser ikollu laqgħat ta’ djalogu ma’ diversi kategoriji, fosthom l-adolexxenti li qed iħejju għall-Ġriżma, iż-żgħażagħ, u l-operaturi pastorali li joffru servizz fil-parroċċa. Il-parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi, hija wkoll il-parrocca li fiha trabba Monsinjur Arċisqof sakemm kellu 16-il sena.
Wara li jżur il-parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi, l-Arċisqof ser iżur il-parroċċi ta’ Sta Venera, in-Naxxar, u Bormla. Dawn huma l-parroċċi li l-Arċisqof Pawlu Cremona ma kienx għadu żar fil-Viżta Pastorali tiegħu.
Id-delegati tal-Arċisqof ser ikollhom rwol importanti matul il-Viżta Pastorali, kemm fit-tħejjija tal-laqgħat f’kull parroċċa, kif ukoll wara li Monsinjur Arċisqof iżur kull parroċċa, u dan b’mod speċjali billi jgħinu lill-parroċċi f’dawk l-oqsma li fihom jinħass il-bżonn.
Il-Viżta Pastorali ta’ Isqof hija l-laqgħa tar-ragħaj mal-merħla tiegħu. Bħala ragħaj tal-Insara f’ Malta, matul dawn l-aħħar sentejn, l-Arċisqof Charles J. Scicluna kellu l-opportunità jmur kważi fil-parroċċi kollha għal diversi okkażjonijiet fil-ħajja tal-Knisja.
//= $special ?>