Issaħħet is-sigurtà fil-Belġju wara li militant tal-ISIS ħa filmat tiegħu nnifsu fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Antwerp jhedded li se jaqta’ l-irjus tan-nies u jimla t-toroq bid-demm.
Fil-filmat, il-militant juri biċċa karta bl-arma tal-ISIS u l-kitba “Ninsabu hawn”, u mbagħad jiġbed filmat idur fl-inħawi tal-istazzjon ta’ Antwerp.
L-esperti fil-qasam tat-terroriżmu qalu li l-mużika li tindaqq fil-filmat hi l-istess tal-filmat għall-attakk li kien hemm fl-Ewwel tas-Sena f’Istanbul, li fih Adbulkadir Masharipov qatel 39 persuna. Huma wissew ukoll li s-seġwaċi tal-ISIS ma jaqbdux u joħorġu dawn il-filmati bl-addoċċ jew kemm biex ibeżżgħu, imma għaliex ikunu determinati. Dan ġej mill-istess kont tal-Internet li fuqu Masharipov kien poġġa l-filmat ta’ Istanbul qabel l-attakk.
Il-filmat ħareġ hekk kif qed joqrob l-ewwel anniversarju tal-attakki fil-kapitali Belġjana, Brussell. Dawn l-attakki seħħew fl-ajruport internazzjonali ta’ Zaventem u l-istazzjon tal-metrof’Maalbeek u li fihom 32 persuna tilfu ħajjithom.
Il-Pulizija Belġjana kkonfermat li qed tinvestiga l-każ u li kienet żiedet is-sigurtà f’Antwerp, partikolarment fl-inħawi tal-istazzjon.
Fl-2016, kien imxejjen attakk fl-istazzjon ta’ Antwerp wara li ssaħħu l-miżuri tas-siġurtà bħala riżultat tal-attakki li kien hemm fi Brussell. It-terroristi kienu qed jippjanaw li jwaddbu tliet basktijiet splussiv fl-istazzjon.
//= $special ?>