Internazzjonali

F’Firenze: Joqtol lil martu, lil bintu u wara lilu nnifsu

Il-Carabinieri f'Via Brozzi, it-triq li fiha hemm ir-residenza tal-familja

“Familja maqtula taħt saqaf wieħed”

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-7.00 f’Firenze anzjan qatel lil martu, lil bintu u lilu nnifsu f’dak li jiġi deskritt mill-ġurnali Taljani bħala wieħed mill-agħar delitti li seħħew fil-peniżola Taljana fl-aħħar snin.

L-inċident seħħ f’Via Brozzi, fi triq li hija qegħdha fil-periferija ta’ din il-Belt, meta l-anzjan ta’ 84 sena, Guerrando Magnolfi qatel lil martu Gina u lil bintu li kellha kundizzjoni ta’ diżabilità ta’ 44 sena.

Jidher li dan id-delitt kien wieħed li ilu maħsub mill-anzjan hekk kif qabel wettaq kollox kien leħaq kiteb ittra fgejn spjega r-raġuni u l-għaliex kien wettaq dawn id-delitti. Fl-ittra wkoll ħalla l-ftit wirt li kellha familtu lil diversi ħbieb li kellu fl-Assoċjazzjoni tal-Pitturi ta’ Firenze li Magnolfi kien jagħmel parti. L-anzjan wettaq id-delitt b’arma tan-nar li kien juża għall-kaċċa.

Skont ir-rapporti Taljani kienu l-ġirien li ndunaw b’dan l-inċidnet hekk kif mal-għodwa semgħu t-tiri tal-arma tan-nar li biha l-aggressur spara lill-qraba. Il-ġirien mill-ewwel marru fuq il-bieb tar-residenza biex jaraw x’ġara u meta raw li ma fetaħ ħadd kienu huma li ċemplu lill-Carabinieri u lill-ambulanza.

Kif deskritt mal-isgass tal-bieb tar-residenza l-ħaddiema ċivili raw xena makabra ta’ familja taħt saqaf wieħed maqtula. Ir-rapporti fl-Italja qalu li t-tifla tal-aggressur, Sabrina kellha kundizzjoni li tirrikjedi l-assistenza medika ta’ kuljum u l-anzjan kif setgħu jifhmu mill-ittra miktuba għamel dan bi ħsieb il-għaliex qal li la darba jmutu huma l-ġenituri, bintu kienet se tispiċċa waħedha.

Ritratt: firenze.repubblica.it