Lokali

FILMAT: Brian Spiteri jingħata l-aħħar tislima

Brian Spiteri ċ-Ċumpaqq miet l-Erbgħa wara li waqa' tliet sulari.

Mijiet ta’ nies illum taw l-aħħar tislima lil Brian Spiteri ta’ 57 sena mill-Mellieħa magħruf bħala iċ-Ċumpaqq fil-funeral tiegħu li sar fil-knisja arċipretali Marija Bambina tal-Mellieħa.

Hu kien l-uniku iben tal-ex Deputat Nazzjonalista Carm Lino Spiteri, iċ-Ċumpaqq u tilef ħajtu traġikament nhar l-Erbgħa filgħaxija wara li waqa’ tliet sulari minn fuq il-bejt tad-dar tiegħu.

Il-każ seħħ fi Triq l-Etna, fil-Mellieħa stess, meta Brian Spiteri tela’ fuq it-tromba tal-bejt biex jiftaħ il-vit tat-tank tal-ilma u għal xi raġuni mhux magħrufa hu waqa’ għal isfel.

Il-quddiesa tal-funeral tmexxiet mill-Arċipriet tal-Mellieħa Dun Joe Caruana u ipparteċipaw ukoll numru ta’ saċerdoti oħrajn. Fl-omelija l-Arċipriet tkellem dwar il-valur tal-ħajja u dwar l-importanza li wieħed jaħseb ukoll fil-ħajja ta’ dejjem.

Fost dawk li attendew kien hemm ukoll qraba u ħbieb tal-familja Spiteri, diversi Deputati Parlamentari, kandidati u uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, membri tal-każini tal-banda u tal-iscouts tal-Mellieħa u ħafna nies oħra.

Id-difna saret fil-qabar tal-familja fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.