Lokali

FILMAT: Intuhom l-inkjesta biex jgħidulna fejn kien hemm l-indħil… u nibqgħu bla risposta

Jinfixlu meta nistaqsuhom jikkwotaw l-inkjesta kelma b'kelma fejn jingħad li kien hemm indħil

Il-Ministru Chris Cardona u l-Ministru Owen Bonnici ma kienux kapaċi jikkwotaw l-inkjesta dwar il-każ tal-Capital One u dan minkejja li waqt konferenza tal-aħbarijiet provaw jagħtu l-impressjoni li kien hemm indħil mill-Viċi-Kap tal-PN Beppe Fenech Adami.

L-inkjesta mmexxija minn tliet eks-Imallfin ġiet ippubblikata lbieraħ mill-Gvern minkejja li kienet ilha lesta minn Jannar. L-inkjesta tikkonferma li qatt ma kien hemm indħil min-naħa’ Beppe Fenech Adam. Madanakollu, Chris Cardona u Owen Bonnici insistew li l-inkjesta hija “hard evidence” anke jekk baqgħu ma tawniex risposta meta tlabinhom jikkwotaw kelma b’kelma fejn fl-inkjesta jingħad li kien hemm indħil minn Beppe Fenech Adami fl-investigazzjoni dwar il-Capital One.

Ikomplu jigdbu fuqi bla mistħija ta’ xejn – Beppe Fenech Adami

B’reazzjoni għall-konferenza tal-Partit Laburista, il-Viċi-Kap tal-PN Beppe Fenech Adami qal li flok jitolbu skuża tal-gideb kollu li għamlu fuqu fl-aħħar sena, il-Ministru tal-Mannara Chris Cardona u l-Ministru taċ-Ċensura Owen Bonnici dalgħodu komplew jigdbu fuqi bla mistħija ta’ xejn.

“Ir-rapport tal-inkjesta jgħid bl-aktar mod ċar iswed fuq l-abjad li jiena qatt ma ndħalt lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali u kull awtorità oħra f’xi investigazzjoni li seta kien hemm. Ir-rapport jgħid bl-aktar mod ċar li jiena qatt ma abbużajt mill-pożizzjoni pubblika tiegħi. Dak li qed jgħidu l-Ministri ta’ Muscat hija gidba oħra bħall-ħafna gideb l-ieħor fuqi matul l-aħħar sena” qal Bepp Fenech Adami fl-istqarrija.

Beppe Fenech Adami fakkar li bħal daż-żmien sena, Chris Cardona u Owen Bonnici kienu jibgħatu lil sħabhom ġurnalisti tal-Partit Laburista wara biebi biex jigdbu fuqi u fuq id-dar tiegħi. Fakkar ukoll li l-gideb ta’ Cardona u Bonnici ġie ppruvat anke mill-Qorti.

“Flok ikomplu jigdbu fuqi, Chris Cardona u Owen Bonnici messhom jgħidu min huma ż-żewġ politiċi tal-Gvern tagħhom li ndaħlu biex każijiet ta’ traffikar tad-droga spiċċaw biex qatt ma tressqu quddiem il-Qorti” żied Beppe Fenech Adami.

L-istqarrija tkompli li l-Partit Nazzjonalista ilu li kixef l-istrateġija qarrieqa u korrotta tal-Partit Laburista: ladarba kulħadd jaf li l-Gvern ta’ Muscat hu l-aktar Gvern korrott fl-istorja, allura, jiprovaw iħammġu lill-Partit Nazzjonalista biex iż-żewġ partiti jidhru l-istess. Din hi strateġija falluta u li kulħadd qed jaraha tisfaxxa fix-xejn, għax il-poplu Malti u Għawdxi jagħraf bejn il-gideb tal-klikka ta’ Muscat u l-każijiet ta’ korruzzjoni li qed jegħreq fihom dan il-Gvern.