Karozza tat-tip Toyota Starlet dalgħodu nstabet abbandunata fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa. Fil-karozza nstabet sikkina mdaqqsa u kaxxa tal-balal tal-kalibru 9 milimetri.
Jidher li l-pulizija ndunaw b’din il-vettura għall-ħabta tat-08.30 ta’ filgħodu meta karozza tal-RIU li kienet fl-inħawi rat il-karozza mitluqa fil-ġenb tat-triq, ftit qabel id-daħla li tmur għall-Waterfront fil-Floriana.
Malli waqfu biex jinvestigaw il-karozza il-pulizija sabu l-bibien mhux imsakkra u t-twieqi mniżżlin. Il-pulizija għamlu tfittxija fejn fil-ġenb tal-bieba nstabet is-sikkina msemmija u kif ukoll iċ-ċavetta tal-karozza. Fuq is-seat ta’ quddiem instabet il-kaxxa tal-balal u fuq is-seat ta’ wara instabu crash-helmet u basket.
Il-karozza hija ta’ raġel ta’ 33 sena minn Bormla u bdiet it-tfittxija għalih iżda hu għadu ma nstabx. Din il-persuna mhux wiċċ ġdid mal-pulzija hekk kif fil-passat kien instab ħati li rreżista bi vjolenza lill-Pulizija waqt li kien qed jiġi arrestat dwar serqa. Snin ilu wkoll dan il-persuna kien salva minn overdose ta’ eroina. Ir-raġel kien instab mitluf minn sensieh f’appartament il-Belt Valletta.
Il-vettura ttieħdet minn fuq il-post lejn il-bitħa tad-Dipartiment tal-Investigazzjoniet Kriminali għall-aktar stħarriġ.
Aktar kmieni
Dalgħodu l-pulizija qed tinvestiga karozza suspettuza fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa. Il-karozza tinsab fuq il-kareġġjata fid-direzzjoni lejn ix-Xatt ta’ Pinto.
Il-pulizija kkonfermaw dan il-każ u qalulna li l-vettura instabet bil-ħġieġ imniżżla.
Aktar dettalji ‘l quddiem.
//= $special ?>