Futbol Sport

Il-UEFA qed tibża’ mill-Brexit

Il-Brexit se joħloq problemi serji biex ir-Renju Unit jospita finali taċ-Champions League u tal-Kampjonat Ewropew. Il-President tal-UEFA Alexsander Ceferin spjega li l-UEFA se tagħmel minn kollox biex iżomm dak li kien imħabbar, jiġifieri li l-Ingilterra tospita s-semifinali u l-finali tal-Euro 2020 f’Wembley Stadium. Madankollu hemm tħassib għall-possibbiltá tal-plejers u tal-partitarji jekk jiġu rifjutati li jidħlu fil-pajjiż.

F’Novembru li għadda d-difensur ta’ Paris St-Germain, Serge Aurier, ġie mċaħħad il-permess biex jidħol fir-Renju Unit għal-logħba taċ-Champions League kontra Arsenal f’Novembru li għadda.

“Jekk Brexit isseħħ, kollox jinbidel, iżda l-futbal intlagħab qabel u se jkompli jintlagħab fil-futur,” qal. “Issa, bil-moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea hi ħafna aħjar. Kont diżappuntat ħafna meta Aurier ta’ PSG ma tħalliex jidħol fl-Ingilterra.”

Ceferin kompla billi qal, “Meta Brexit isseħħ din tagħmel l-affarijiet diffiċli speċjalment jekk ir-raġunijiet ikunu formali. Jista’ jkollna problema serja. Jekk naraw li l-plejers ma jkunux jistgħu jidħlu minħabba li għandhom xi proċedura għaddejja ikollna naħsbu jekk għandniex nibqgħu nilagħbu logħbiet Ewropej hemmhekk.”

Ceferin qal ukoll li jinsab inkwetat dwar il-finali taċ-Champions League ta’ dan l-istaġun li se ssir f’Cardiff f’Wales.

“Neymar u Lionel Messi t-tnejn għandhom proċeduri ta’ evażjoni ta’ taxxa għaddejjin kontrihom. Din is-sena l-finali taċ-Champions League se ssir f’Cardiff. Immaġina x’jiġri jekk ma jħalluhomx jidħlu. “Din hi xi ħaġa kbira għalina jekk players mill-Ingilterra jistgħu jsiefru kullimkien iżda players oħra ma jistgħux jidħlu fl-Ingilterra.”

“Anke fis-sena 2020, jekk Brexit iseħħ, allura tista’ tkun problema kbira għall-partitarji. Din tibqa’ problema izda aħna nitkellmu mal-Gvern Ingliż, u ninsab ċert li l-Football Association Ingliża se tgħinna,” temm jgħid Ceferin.