“Ir-rapport ta’ inkjesta li sar minn Bord imwaqqaf mill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar allegazzjonijiet li jien indħalt lill-Pulizija jew lill-Avukat Ġenerali dwar il-każ tal-kumpanija Capital One jikkonferma bl-iktar mod ċar li jien qatt ma ndħalt lill-Pulizija jew lill-Avukat Ġenerali jew li abbużat mill-kariga tiegħi.” Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit qal dan ilbieraħ waqt il-programm, Taħditiet, fuq Radio 101. Hu kien qed jitkellem dwar ir-rapport ta’ inkjesta li kien ippubblikat nhar il-Ġimgħa li għadda.
Beppe Fenech Adami qal li hu kuntent li wara erba xhur ta’ attakki mill-Partit Laburista fuq l-integrita tiegħu, infaqgħet il-bużżieqa tal-Gvern Laburista. Hu fakkar li erba’ xhur ilu Joseph Muscat kien ħabbar li ħatar inkjesta dwar allegazzjoni li hu ndaħal fil-Korp tal-Pulizija biex tieqaf investigazzjoni li kienet qed issir u li hu abbuża mill-pożizzjoni pubblika biex iwaqqaf investigazzjoni. Fenech Adami fakkar ukoll li l-Prim Ministru qabbad tliet imħallfin u ta tliet xhur żmien biex jinvestigaw. Huma talbu xahar ieħor biex ikomplu l-istħarriġ tagħhom u ngħataw iż-żmien li talbu.
Il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Partit qal li fir-rapport li fih 37 paġna, hu jissemma tliet darbiet u fihom jingħad bl-iktar mod ċar li mkien ma jirriżulta li hu ndaħal lill-Pulizija, lill-Avukat Ġenerali jew li abbuża mill-kariga tiegħu. Ir-rapport isemmi li kien hemm kooperazzjoni mill-Avukat Ġenerali u għadda l-informazzjoni kollha u għalhekk l-allegazzjoni li hu ndaħal lill-Avukat Ġenerali jew lill-Pulizija – li wkoll għaddew l-informazzjoni kollha mitluba – ma tirriżulta mkien u għalhekk ir-rapport jeskludi li hu indaħal.
Beppe Fenech Adami qal li hi tattika ta’ Joseph Muscat li jmexxi l-iktar gvern korrott ta’ pajjiżna li joħroġ jattakka għax hu evidenti li Joseph Muscat qata’ qalbu li jbiddel din l-idea li dan hu l-iktar gvern korrott. Għalhekk daqqa’ jaqbad ma’ Simon Busuttil, daqa’ jaqbad ma’ Mario de Marco, daqqa’ ma’ Ann Fenech u daqqa jaqbdu miegħu.
Hu fakkar li sena ilu l-Ministri Owen Bonniċi u Chris Cardona kienu jibagħtu ġurnalista tas-Super One quddiem id-dar tiegħu u nefħu storja u wara li għamililhom libell lanqas ressqu prova waħda tant li l-Qorti qaltilhom li kienu ivvintaw storja u kienu mmultati €3,000. Beppe Fenech Adami qal li wara vvintaw storja oħra fuqu imma mill-inkjesta joħroġ li fl-ebda mument ma kien hemm indħil jew li aġixxa b’mod abbużiv.
Dwar il-fatt li r-rapport tal-inkjesta ilu f’idejn il-Prim Ministru mill-20 ta’ Frar, Beppe Fenech Adami stqarr li hu kien sfida lill-Prim Ministru biex ifittex jippubblika r-rapport u kien issa li għamel dan wara li dam jibni storja għal erba’ xhur. Ir-rapport jikkonferma bl-iktar mod assolut u ma jsib xejn li jista’ jitfa’ dell fuq kif aġixxa fil-ħajja politika tiegħu. Beppe Fenech Adami qal li l-ikbar arma li għandu l-PN hu l-arma tal-verità.
“L-inkjesta tikkonferma li jien qatt ma ndħalt” – Beppe Fenech Adami
Segwi l-ewwel reazzjoni ta’ Beppe Fenech Adami għal din l-inkjesta waqt Net News tal-Ġimgħa 3 ta’ Marzu.
//= $special ?>