Internazzjonali Lokali

Mossack Fonseca twaqqaf l-operat fi New Zealand

Il-kumpanija Mossack Fonseca waqfet topera fi New Zealand – il-pajjiż fejn il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, fetħu trusts biex ipoġġu fihom il-kumpaniji sigrieti.

Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu mhux biss kumpaniji sigrieti fil-Panama permezz tal-kumpanija Mossack Fonseca, iżda fetħu wkoll trusts fi New Zealand, bl-assistenza tal-istess kumpanija. Imma issa jirriżulta li Mossack Fonseca irtirat minn New Zealand, fejn waqfet topera n-negozju tat-trusts.

Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu nqabdu li għandhom din l-istruttura – ta’ kumpanija sigrieta fil-Panama u trusts sigrieti fi New Zealand. Tant, li kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri kienu naqsu milli jiddikjaraw it-trusts tagħhom – kif titlob il-liġi Maltja. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien iddefenda lil Konrad Mizzi talli ma ddikkjarax it-trust, billi qal li Konrad Mizzi kien irranġa l-iżball billi ħallas multa.

Filwaqt li Mossack Fonseca m’għadiex qed topera n-negozju ta’ trusts fi New Zealand, dan il-pajjiż riċentament ippubblika studju li fih instab li r-regoli u l-liġijiet dwar it-trusts m’humiex b’saħħithom biżżejjed biex jipproteġu r-reputazzjoni tal-pajjiż. Li jfisser li hemm possibiltà li Mossack Fonseca kienet qed tuża lin-New Zealand għat-trusts minħabba dawn ir-regoli u liġijiet dgħajjfin.

Fl-isfond ta’ dan kollu, iż-żewġ persuni li bdew il-kumpanija Mossack Fonseca għadhom taħt arrest fil-Panama. Sadanittnat, f’Malta, il-Prim Ministru Muscat għadu qed jirrifjuta li jagħti struzzjonijiet lill-Kummissarju biex jinvestiga r-rapport tal-FIAU dwar l-iskandlu tal-Panama u l-involviment ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.