Lokali Saħħa

Studenti jagħmlu ‘funeral’ għas-sistema edukattiva f’Malta

Il-'funeral' mill-istudenti tal-mediċina (Ritratt: Lovinmalta)

Grupp ta’ studenti tal-mediċina jinsabu mħassbin dwar il-futur tal-edukazzjoni f’Malta fil-qasam tas-saħħa u l-mediċina tant li esprimew dan it-tħassib f’funeral li organizzaw barra l-isptar Mater Dei.

Waqt dan il-‘funeral’ taparsi, l-istudenti qassmu bħal santi li fuqhom kien hemm miktub: “B’memorja għall-edukazzjoni b’xejn f’Malta”, bl-istudenti jilmentaw li d-dħul tal-iskola medika Barts f’Għawdex se twassal biex l-għan tas-sistema edukattiva jkun il-profitt u mhux il-kwalità.

L-istudenti qed jilmentaw li mhux sew li l-iskola medika għal Barts se tkun qed tinbena minn flus il-poplu bħala parti mill-Isptar Ġenerali ġdid f’Għawdex, imbgħad l-istess Barts tagħmel profitt minn fuq l-istudenti li jitgħallmu l-mediċina.

Tant, li wieħed mill-argumenti tal-istudenti tal-mediċina huwa li Barts mhux qed tibni l-faċilitajiet hi jew iġġib it-tobba tagħha, iżda qed tagħmel profitt minn fuq is-sistema Maltija billi taħtaf dak kollu li ilu jinbena għexieren ta’ snin.

Studenti tal-mediċina li tkellmu fuq il-media soċjali esprimew tħassib ukoll dwar il-possibiltà li t-tobba li jiggradwaw minn Barts ikunu preferuti minn tobba li jiggradwaw mill-Iskola Medika Maltija fejn dan iwassal għal diskriminazzjoni sempliċiment għax it-tobba tal-Iskola Medika Maltija ma jkunux ħallsu l-istess flus li jħallsu l-istudenti ta’ Barts.

Is-santi li bdew jitqassmu mill-istudenti tal-mediċina