Internazzjonali

Trump jakkuża lil Obama bi spjunaġġ

Trump waqt diskors quddiem il-Kungress Amerikan

Il-President Amerikan Donald Trump akkuża lill-predeċessur tiegħu Barack Obama li fil-kampanja elettorali kien ordna li jiġu interċettati t-telefonati tiegħu.

Trump ħabbar li sar jaf li Obama kien ordna l-interċettazzjoni tat-telefonati mit-Trump Towers ftit qabel Trump kien dikjarat ir-rebbieħ tal-elezzjoni Presidenzjali.

Trump s’issa ma tax dettalji dwar dak li sostna kif ukoll li qal li qorti kienet irrifjutat talba biex ikunu interċettati telefonati.

F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm rapporti fil-midja Amerikana li l-FBI kienet talbet permess biex ikunu interċettati t-telefonati ta’ dawk li kienu qed igħinu fil-kampanja ta’ Trump minħabba suspetti li kienu f’kuntatt ma’ uffiċjali Russi. Talba li għall-ewwel kienet miċħuda imma jidher li f’Ottubru mbagħad kienet approvata. Imma ta’ dan għad ma kien hemm ebda konferma uffiċjali.

Tul dawn l-aħħar ġranet, uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni ta’ Trump spiċċaw fil-mira minħabba allegat kuntatti li kellhom ma’ uffiċjali għolja Russi waqt il-kampanja elettorali.