Lokali

Angelo Gafà jibda jkun imbottat għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija

Ġimgħa iebsa għall-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar

Il-gazzetta Il-Mument tiżvela li beda jberraq fir-relazzjonijiet ta’ Kastilja u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar li qiegħed ikollu jiem diffiċli anki għaliex issa beda jifhem aħjar li tpoġġa fil-kariga tat-tmexxija tal-Korp biex litteralment jintuża minn Kastilja. Kollox jindika li diġà hemm xquq u diverġenzi bejn iż-żewġ partijiet. Qraba u ħbieb ta’ Lawrence Cutajar ukoll huma tal-fehma li l-għażla tiegħu għal din il-kariga ma kenitx b’riżultat ta’ rispett u fiduċja, imma għaliex meta ntgħażel għal din il-kariga daqstant sensittiva, f’għajnejn il-Gvern kien hemm il-mottiv li jinqeda temporanjament minħabba l-kwistjoni mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li ma felaħx ikompli jissaporti l-indħil sfaċċat.
il-mument qed tiżvela li l-isem li qiegħed jissemma’ għal din il-kariga – u dan b’mod persistenti ħafna – hu dak ta’ Angelo Gafà li ftit tal-ġimgħat ilu biss kif kienet żvelat din il-gazzetta nħatar Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korp tal-Pulizija.

Minn Michael Cassar għal Lawrence Cutajar
L-aħħar riżenja ta’ Kummissarju tal-Pulizija kienet ta’ Michael Cassar f’nofs is-sena l-oħra minħabba l-indħil kontinwu mill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Iċ-ċirasa fuq il-kejk kienet ir-rapport mogħti lilu minn Manfred Galdes, li kien il-Direttur Kap tal-FIAU, fejn fir-rapport dwar il-‘Panama Papers’ irrakkomanda li jittieħdu passi kontra l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. Dakinhar Michael Cassar intrabtitlu idu meta l-Kastilja riedet li dak ir-rapport ikun sempliċiment arkivjat, iżda min-naħa tiegħu l-eks Kummissarju tal-Pulizija ried li ssir l-investigazzjoni serja mill-pulizija.
Darba ffaċċjata b’dan il-vojt, Kastilja daret fuq Lawrence Cutajar biex jimla’ hu din il-kariga. Illum l-affarijiet bejn Kastilja u t-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija hi differenti ħafna u diġà hemm min qiegħed jipproponi li anki lil Lawrence Cutajar tingħatalu xi tip ta’ promozzjoni b’pakkett finanzjarju tajjeb (kif ġara ma’ ta’ qablu) bl-iskop li minfloku titpoġġa persuna aktar żagħżugħa fit-Tmexxija tal-Korp.

Ġejjieni dubjuż għal Lawrence Cutajar
Il-ġejjieni tal-Kummissarju tal-Pulizija attwali huwa dubjuż u għaldaqstant kif qed niżvelaw illum, l-affarijiet kif qed jiżvolġu qegħdin jippuntaw fuq Angelo Gafà.
Gafà hu ben vist minn Kastilja u mill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Angelo Gafà ngħata r-rwol importanti fil-Korp tal-Pulizija sitt xhur wara li kienu nħarġu l-applikazzjonijiet għall-ħatra ta’ CEO fil-Korp tal-Pulizija.
B’din il-ħatra sa mill-bidu nett il-Gvern fehem li b’ġebla waħda seta’ jolqot numru ta’ għasafar. Fost l-oħrajn kien se jkun qed jinvesti fl-Ispettur Angelo Gafà, eks-Deputat Kap tas-Servizz Sigriet Malti (MSS), bil-mira li dan fi ftit taż-żmien jikseb l-esperjenza meħtieġa fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija u jinħatar Kummissarju tal-Pulizija.
Kollox jindika issa li dak maħsub mill-Gvern se jieħu ferm inqas milli mistenni, b’terzi jkomplu jimbottaw l-idea tal-Gvern li Angelo Gafà jinħatar Kummissarju tal-Pulizija u hekk fit-Tmexxija tal-Korp.

Dejjem tgħaddi ta’ Angelo Gafà
il-mument illum jista’ jiżvela kif fil-Korp tal-Pulizija fil-preżent hemm numru ta’ fazzjonijiet. Hemm il-grupp leali lejn Lawrence Cutajar, iżda qiegħed jikber l-għadd ta’ membri fil-Korp li l-lealtà tagħhom diġà daret fuq Angelo Gafà li jarawh ħabrieki u ideali biex imexxi hu l-Korp tal-Pulizija. Dawn il-vuċijiet qed ikomplu jsaħħu r-rieda ta’ Kastilja u tal-Ministeru tal-Intern f’dan is-sens. Dak li ġara f’nofs din il-ġimgħa bejn il-Kastilja – tramite l-Ministeru tal-Intern – u l-Uffiċċju tal-Kummissarju kien bla dubju ta’ xejn daqqa ta’ ħarta għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet.
Sadattant il-kontro-kurrenti bejn l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korp – anki jekk bosta drabi b’mod sottili u biered – qed tkompli.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korp ma jħallix okkażjoni waħda taħrab li ma jurix l-awtorità tiegħu anke tenut kont li hu żamm ir-rank ta’ Spettur u allura għadu suġġett għad-dixxiplina tal-Korp.
Din ftit li xejn tidher li qed tinkwieta lill-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korp li jidher li ma jikkalkula lil ħadd, lanqas lill-Kummissarju. Jidher li Angelo Gafà jirrapporta kollox direttament lill-Ministeru u lis-COS u kważi f’kull każ ta’ konflitt mal-Kummissarju tispiċċa tgħaddi tas-CEO.
Is-sorsi ta’ il-mument komplew jgħidu li fl-aħħar jiem kompliet tiber id-diċerija li Angelo Gafà ntgħażel bħala CEO biex it-tarġa li jmiss tkun dik li jilħaq Kummissarju wara li jew jitneħħa Lawrence Cutajar jew ikun imġiegħel jirriżenja minn jeddu.
Jidher li fi żmien mhux ‘il bogħod, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korp qed jesiġi li fil-Control Room, fil-Human Resources u fil-Kondotti ma jibqgħux iservu l-Pulizija, imma jkunu impjegati persuni pajżana u dan biex jagħti lok lill-Gvern li jimpjega aktar nies ġodda mal-Gvern eżattament fl-aħħar xhur ta’ qabel l-elezzjoni.
Is-sorsi ta’ il-mument komplew jgħidu li l-akbar żball li seta’ jagħmel il-Gvern kien li lis-CEO jħallih bir-rank ta’ Spettur meta kien jaf li dan se jġib kunflitti kbar mas-Superjuri tiegħu. Il-karattru tipiku ta’ Angelo Gafà jixhduh kemm nies li kienu miegħu fl-Iskwadra ta’ Kontra l-Frodi u anke fis-Servizz Sigriet Malti li kulħadd jgħidlek li jekk ma tgħaddix tiegħu, stenna l-inkwiet!

Pressjoni fuq il-Ministeru għal ħatriet ta’ Supretendenti
Sadattant bħalissa qed issir pressjoni kbira mill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali biex tinħareġ sejħa għal Supretendenti ġodda imma mhux bil-kundizzjonijiet li dejjem ħarġet fl-aħħar snin. Qed jissemma li fl-applikazzjoni jrid ikun hemm kundizzjonijiet differenti ħalli min għandu żewġ pips biss ikun jista’ japplika u hekk jeħodha ta’ Supretendent.
Dan il-manuvrar għandu l-iskop li jwassal biex jinqdew ċerti persuni, fosthom Spettur partikulari lil-mara tiegħu taħdem fis-Segretarjat Privat tal-Ministru Carmelo Abela. Spetturi oħrajn li jkunu aġevolati minn kundizzjoni ġdida bħal din jinsabu fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, fir-Rapid Intervention Unit, fit-Taqsima tal-Immigrazzjoni u fl-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji.