Futbol Sport

Draw għal Juventus iżda jkabbru l-vantaġġ

Stipe Perica f'kuntrast ma' Juan Cuadrado (Ritratt: EPA)

Minkejja d-draw ta’ 1-1 kontra Udinese, Juventus kabbru l-vantaġġ tagħhom għal tmien punti f’ras il-klassifika. Udinese marru fil-vantaġġ fis-37 minuta b’azzjoni personali ta’ DUVAN ZAPATA li qabeż lil Leonardo Bonucci u għeleb lil Buffon minn angolu ristrett. Juventus ġabu d-draw mas-siegħa logħob meta minn free-kick ta’ Dybala, kien LEONARDO BONUCCI li b’daqqa ta’ ras mill-viċin għeleb lil Karnezis.

Rebħa tajba għal Inter li f’Sardenja għelbu lil Cagliari 5-1. Inter marru fil-vantaġġ fl-34 minuta wara li Ever Banega għadda passaġġ preċiż lejn IVAN PERISIC li kkontrolla u skurja mill-viċin. In-Neroazzuri rduppjaw ħames minuti wara bi free-kick perfett ta’ EVER BANEGA. Cagliari naqsu d-distakk fit-42 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ MARCO BORIELLO wara kross mix-xellug.

Inter għamlu l-iskor 3-1 fil-bidu tat-tieni taqsima b’xutt għar-rokna bil-lemin ta’ IVAN PERISIC wara li rċieva mingħand Icardi. It-tim ta’ Pioli serraħ rasu mill-punti fis-67 minuta permezz ta’ penalty ta’ MAURO ICARDI wara fawl li sar fuqu stess. Kien għad fadal ħin għal gowl ieħor hekk kif fid-89 minuta, Inter skorjaw il-ħames gowl b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ ROBERTO GAGLIARDINI li skorja l-ewwel gowl tiegħu fis-Serie A.

Tripletta ta’ ANDREA BELOTTI f’seba’ minuti, kienet biżżejjed għal Torino biex jegħlbu lil Palermo 3-1. It-tim Sqalli mar fil-vantaġġ man-nofs siegħa logħob b’xutt għar-rokna ta’ ANDREA RISPOLI. Torino ġabu d-draw fl-74 minuta permezz tal-attakkant Taljan, biex żewġ minuti wara l-istess plejer irdoppja b’xutt mill-ewwel wara passaġġ preċiż ta’ Ljajic. Belotti għaqqad it-tripletta fil-81 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin wara kross ieħor ta’ Ljajic, biex saħħaħ postu fil-klassifika tal-aqwa skorers bi 22 gowl.

Rebħa tajba għal Genoa li għelbu lil Empoli 2-0. Il-gowls kienu skorjati lejn it-tmiem b’gowl ta’ OLIVIER NTCHAM fid-89 minuta biex OSCAR HILJEMARK għalaq il-logħba minuta wara. F’żewġ logħbiet oħra, Atalanta u Fiorentina kif ukoll Crotone u Sassuolo spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls. Fil-logħba ta’ filgħaxija, Lazio reġgħu telgħu fir-raba’ post meta għelbu lil Bologna. Il-protagonist għalihom kien l-attakkant Taljan CIRO IMMOBILE li skorja doppjetta fid-9 minuta u fl-74 minuta.