Internazzjonali

FRANZA: Lejn taħditiet ta’ kriżi dwar Fillon

Francois Fillon

Il-Partit Repubblikan ta’ Franza, għada, mistenni jidħol f’taħditiet ta’ kriżi dwar il-kandidatura ta’ Francois Fillon li għadu qed jittama li jikkuntesta f’isem il-partit għall-Presidenza tal-pajjiż.

Fillon, eks Prim Ministru ta’ Franza, illum tkellem waqt rally tal-massa f’Pariġi fejn ħeġġeġ lis-sostenituri biex ikomplu jemmnu fih u ma jaqtgħux qalbhom. Hu informa lill-għexieren tal-eluf tas-sostenituri fil-kapitali li ‘hu se jinstab innoċenti’ fil-konfront ta’ allegazzjonijiet li hu kien ħallas lil martu u uliedu għal xogħol tal-Istat li huma qatt ma għamlu.

Dan ir-rally, fil-fatt, kien qed jitqies bħala prova kruċjali għall-popolarità ta’ Fillon meta żdiedu s-sejħiet biex hu jirriżenja minn kandidat għall-Presidenza.

Fl-aħħar jiem, numru ta’ alleati ta’ Fillon iddeċidew li jabbandunaw il-kampanja tiegħu u, qabel ir-rally, Christian Estrosi, li hu alleat kbir tal-eks President Franċiż, Nicolas Sarkozy, żvela ‘li uffiċjali għolja tal-Partit Repubblikan kienu qed jaħsbu biex jipproponu kandidat alternattiv (għal Fillon)’.

Il-popolarità ta’ Francois Fillon kompliet tonqos skont l-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni, iżda Estrosi qal ukoll li hu importanti ‘li l-partit ma jumiljax lil Fillon’ waqt li jippermettilu tluq dinjituż. Dan fost spekulazzjoni li Alain Juppe, eks-Prim Ministru ieħor ta’ Franza li kien tilef il-primarji tar-Repubblikani, jista’ ‘jirritorna fit-tellieqa għall-Presidenza’ f’każ li jirtira Francois Fillon.