Gazzetti Lokali

Il-Mument tikxef l-identità tal-ħames uffiċjali ta’ Mossack Fonseca involuti

Keith Schembri, Joseph Muscat u Konrad Mizzi
L-iskandlu tal-Panama Papers f'Kastilja

L-aktar tnejn min-nies b’saħħithom f’Kastilja qrib tal-Prim Ministru Joseph Muscat – il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri -approvaw bl-intervent tal-kumpanija Nexia BT biex iwaqqfu l-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama biex jidhru għalihom fil-kariga ta’ diretturi u uffiċjali korporattivi, impjegati tal-kumpanija Mossack Fonseca. Ma’ Konrad Mizzi jingħaqad ukoll is-sid sigriet tal-kumpanija Egrant Inc. f’dan it-tentattiv biex huma jagħtu l-impressjoni ta’ legalità fit-twaqqif tal-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama.

Dan ifisser li ġew appuntati diretturi u uffiċjali tal-isem, jiġifieri li l-poteri ta’ direttur u tal-uffiċjali jibqgħu jiġu eżerċitati mill-benefiċjarju tal-kumpanija; f’dan il-każ il-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff Keith Schembri u s-sid sigriet tal-kumpanija Egrant Inc.

Il-kumpanija Mossack Fonseca hija dikjarata bħala “organizzazzjoni kriminali” mill-Avukat Ġenerali tal-Panama minħabba prattiki korrotti, tant li s-sidien ta’ Mossack Fonseca – Ramon Fonseca u Jurgen Mossack – għadhom miżmuma arrestati fuq akkużi ta’ korruzzjoni. Din il-kumpanija hija rappreżentata minn Nexia BT immexxija minn Brian Tonna li huwa qrib ħafna tal-poter f’Kastilja.

Dokumenti uffiċjali jikxfu għanqbuta ta’ segretezza

Il-Mument qiegħda tiżvela dokumentazzjoni uffiċjali li turi min huma d-diretturi u l-uffiċjali kollha li qegħdin jidhru f’isem il-kumpanija sigrieta Hearnville Inc. tal-Ministru f’Kastilja Konrad Mizzi, f’isem il-kumpanija Tillgate Inc. taċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, kif ukoll f’isem is-sid li l-identità tiegħu għadha mistura u li għandu l-kumpanija Egrant Inc.

Id-dokumenti kollha jikkonfermaw li dawn huma kumpaniji anonimi, jiġifieri li s-sidien proprji tagħhom huma miżmuma sigrieta bi skop, bil-kumpaniji Egrant Inc. u Hearnville Inc. twaqqfu fl-4 ta’ Lulju 2013 filwaqt li l-kumpanija Tillgate Inc. ġiet reġistrata fil-15 ta’ Lulju tal-istess sena.

Minn dawn id-dokumenti jirriżulta wkoll li bħala diretturi u uffiċjali tal-kumpaniji sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi, taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u tas-sid anonimu qegħdin jidhru l-istess nies.

 

Il-ħames uffiċjali ta’ Mossack Fonseca

Minn investigazzjonijiet li għamlet il-mument kif żvelat nhar il-Ħadd li għadda, jirriżulta li għat-tliet kumpaniji sigrieti – Hearnville Inc., Tillgate Inc. u Egrant Inc. – tqabbad biex jidher Samaniego Ricardo bħala President u Direttur. Il-President huwa r-rappreżentant legali tal-kumpaniji sigrieti u fin-nuqqas tiegħu għandu jkun is-Segretarju jew it-Teżorier.

Miegħu hemm ukoll Yadira De Boutaud bħala Direttur ukoll. Dawn iż-żewġ impjegati ta’ Mossack Fonseca huma implikati direttament f’dokumentazzjoni falza f’każ ta’ investigazzjoni dwar bank f’St Lucia fil-Karibew.

Ma’ dawn hemm Perez Yakeline li hija reġistrata bħala Viċi President, Direttur u Teżoriera tal-kumpaniji sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Keith Schembri kif ukoll f’isem is-sid ta’ Egrant Inc. Perez Yakeline tispeċjalizza fit-twaqqif ta’ shell companies biex ma jkunx hemm traċċa tagħhom u wisq inqas traċċa tat-tranżazzjonijiet tal-flus.

Hemm ukoll Hercibelle Gonzalez li hija implikata wkoll f’ħafna kumpaniji sigrieti mwaqqfa minn Mossack Fonseca. Hija qiegħda tidher bħala Direttur u Assistent Segretarja.

Hemm imbagħad ukoll Yenny Martinez fil-kariga ta’ Assistent Segretarja li fi ħdan il-kumpanija Mossack Fonseca hija analista finanzjarja.

Il-kumpanija Mossack Fonseca tispeċjalizza fit-twaqqif ta’ dawn il-kumpaniji bl-iskop li ma jkunx hemm traċċa tas-sidien proprji tagħhom. Dawn huma kumpaniji li fuq il-karta jidhru daqslikieku huma leġittimi imma fil-verità jintużaw biex jinħbew miljuni kbar ta’ flus. Fil-każ tal-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, minn dokumentazzjoni li kienet żvelata mill-‘Panama Papers’ kienu se jgħaddu mal-miljun ewro fis-sena tramite l-kumpaniji sigrieti tagħhom.

 

Kundanna mill-Kumitat Ewroparlamentari li qiegħed jinvestiga l-’Panama Papers’

Il-‘Panama Papers’ żvelaw dinja ta’ ħabi li skont osservaturi u esperti internazzjonali, dak li kien qiegħed isir minn Mossack Fonseca huwa xogħol biex jiffaċilita aktar il-kriminalità, il-ħasil tal-flus u biex ikun evitat il-ħlas tat-taxxa jew biex issir l-evażjoni tat-taxxa.

Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew li qiegħed jinvestiga l-‘Panama Papers’ kellu kliem iebes għall-aġir tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.

Dwar il-kumpanija sigrieta tal-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chairman tal-Kumitat Ewroparlamentari Werner Langer bla tlaqliq qal: “jidher li hu każ ta’ ħasil ta’ flus.” Dwar l-imġiba ta’ Keith Schembri, Langer fissru bħala “aġir skandaluż” b’referenza għall-mod kif bagħat messaġġier biex jgħaddilu dokument f’nofs ta’ triq b’kontenut li jiddubita l-kredibbiltà tal-Kumitat Ewroparlamentari, meta dan il-Kumitat għandu l-approvazzjoni assoluta tal-Parlament Ewropew.

Il-Viċi President tal-Kumitat Ewroparlamentari, l-MEP Soċjalista Ana Gomes staqsiet “kif Konrad Mizzi għadu ma rriżenjax” filwaqt li fil-konfront ta’ Keith Schembri ddikjarat li “għandu għal xiex iwieġeb.”