Bi preparazzjoni għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju f’Serravalle f’San Marino, l-ASA ħadmet biex tgħin lill-għawwiema li probabilment se jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali tal-għawm.
Fl-aħħar jiem, dawn l-għawwiema marru proprju f’San Marino biex jipparteċipaw fil-15-il laqgħa ta’ Del Titano f’Serravalle. It-tim kien immexxi mill-kowċ nazzjonali tal-għawm Artem Goncharenko, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran u l-fiżjoterapista ta’ Rebecca Causon.
L-għawwiema pproduċew riżultati pożittivi u rritornaw b’erba’ rekords nazzjonali u diversi riżultati inkoraġġanti. Amy Micallef kisbet l-aqwa riżultati f’dawk il-jumejn hekk kif kisret żewġ rekords nazzjonali f’avvenimenti individwali.
L-għawwiema li tgħum ma’ Neptunes kisret ir-rekord tal-100 metru breaststroke meta għamet f’minuta 14.36 sekonda, biex b’hekk il-ħin kien 0.19 ta’ sekonda aħjar mill-ħin ta’ minuta u 14.55 sekonda li kienet għamlet f’Tal-Qroqq lura f’Lulju tal-2015.
Micallef kisret ir-rekord ukoll fil-50 metru breastroke meta waqqfet l-arloġġ f’33.98 sekonda, biex għelbet il-ħin ta’ 34.07 sekonda li kienet għamlet f’Diċembru tas-sena l-oħra.
Micallef kienet protagonista biex flimkien ma’ Mya Azzopardi, Charis Ceccarelli u Francesca Falzon Young għamlu l-aħjar fil-4x100m relay medley. Huma spiċċaw it-tiġrija f’erba’ minuti u 29.96 sekonda. Dan il-ħin kien kważi ħames sekondi aħjar mill-ħin ta’ 4:33.29 li Falzon Young, Ceccarelli, Micallef u Nicola Muscat kien għamlu f’April.
Fil-200 metru Medley Individwali, Mya Azzopardi kisret ir-rekord ta’ Nicola Muscat f’rekord f’Age Group D meta waqqfet l-arloġġ f’żewġ minuti 31.43 sekonda. Ir-rekord preċedenti kien ta’ 2:31.66 u kien sar lura f’Novembru tal-2010 fil-Pixxina Nazzjonali. Fi stqarrija, l-ASA qalet li tinsab sodisfatta bir-riżultati li nkisbu.
//= $special ?>