Il-plejer żagħżugħ Malti Kurt Cassar li jinsab mat-tim Taljan ta’ Stella Azzurra Roma, ħa sehem fit-tournament prestiġġjuż Next Generation Under 18 Euro League.
F’dan it-tournament li sar f’Belgrad, ħadu sehem tmien timijiet. Dawn kienu Red Star Belgrade, Partizan Belgrade u Mega Bekgrade mis-Serbja, Sarajevo mill-Bożnija, Prage mir-Repubblika Ċeka, Ludwigsburg mill-Ġermanja, Maccabi Tel Aviv ta’ Iżrael flimkien mat-tim Taljan. F’dawn it-tip ta’ logħbiet, ikun hemm diversi aġenti Ewropej u scouts Amerikani.
It-tournament intrebaħ minn Red Star Belgrade fejn fil-finali għelbu lil Mega Belgrade quddiem attendenza sabiħa. It-tim li Cassar jilgħab miegħu, spiċċa fit-tielet post f’Grupp A wara li għeleb lil Partizan Belgrade, iżda tilef kontra l-eventwali rebbieħa u Ludwigsburg. Fil-logħba għal ħames u s-sitt post, Stella Azzurra Roma għelbu lil Praga biex b’hekk temmew fil-ħames post.
B’dan ir-rebħ tat-tournament, Red Star Belgrade jingħaqdu ma’ Real Madrid, Barcelona u Zalgiris tal-Litwanja, biex f’Mejju f’Istanbul ikun magħruf l-aqwa tim Ewropew ta’ taħt it-18-il sena.
“Hi esperjenza sabiħa ħafna li tilgħab fl-ogħla livell livell Ewropew fuq livell ta’ klabbs. Red Star Belgrade kienu fi klassi għalihom, iżda għalina ħalliet effett it-telfa kontra Ludwigsburg. Ħafna mill-plejers iltqajt magħhom f’kamp ta’ taħriġ li kien organizzat mill-NBA u l-FIBA f’Settembru fil-Finlandja.”
Cassar qal li fuq bażi personali għandu aktar ħeġġa biex ikompli jikkonċentra fiż-żmien li ġej għaliex sostna li t-tim tiegħu għandhom partiti importanti fis-Serie B u fil-kategoriji ta’ taħt it-18 u l-20 sena.
//= $special ?>