Internazzjonali

L-IRAQ: Javvanzaw fuq l-ISIS fil-Punent ta’ Mosul

Is-suldati Iraqqin javviċinaw l-inħawi ta' Mosul

Il-qawwiet tal-Iraq taw spinta ġdida lill-offensiva kontra l-ISIS fl-inħawi tal-Punent ta’ Mosul u fost rapporti li t-terroristi kienu qegħdin joffru reżistenza qawwija.

Filwaqt li diversi distretti ta’ din il-belt ewlenija jinsabu lura f’idejn l-Armata tal-Iraq u l-alleati, il-maltemp tal-aħħar jiem fir-reġjun kien tellef ftit jew wisq l-avvanzi tal-militar fuq l-ISIS.

Din  l-azzjoni militari (li għandha tkun deċiżiva) kontra l-ISIS fil-Punent ta’ Mosul ilha għaddejja mid-19 ta’ Frar u kelliema għall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) qed jgħidu li ‘il fuq minn 45,000 persuna kienu kostretti li jaħarbu mill-belt f’dawn l-aħħar ġimgħatejn.

L-ISIS kienu ilhom jokkupaw il-belt ta’ Mosul mill-2014 u f’Jannar li għadda is-settur tal-Lvant ta’ din il-belt reġa’ nħataf lura mill-Armata wara xhur ta’ battalji intensivi.

L-ogħla kmandanti militari tal-Iraq qalu lill-ġurnalisti li l-qawwiet tal-Gvern – li huma appoġġjati minn koalizzjoni ta’ pajjiżi taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti — kienu qegħdin javvanzaw lejn ‘iċ-ċentru antik tal-belt’ mid-direzzjoni tan-Nofsinar u l-Lbiċ.

Imkejjen oħra qalu li l-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin kienu qed jattakkaw id-distretti ta’ al-Dindan, al-Sumood, Tal al-Raman u al-Dawasa fejn jinstabu l-uffiċċini tal-Gvernatur provinċjali.

L-IOM, li hi l-aġenzija tal-immigrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, qalet li, minn Ottubru ‘il hawn, ‘il fuq minn 200,000 persuna spiċċaw kostretti li jgħixu bħala refuġjati b’konsegwenza tal-ġlied kontinwu f’Mosul u l-madwar. Jaħsbu, intant, li fadal sa 700,000 persuna fl-inħawi ta’ din il-belt.