Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, sejjaħ biex il-Kungress jinvestiga allegazzjoni partikulari tiegħu fil-konfront tal-eks President Barack Obama. Dan meta l-President jinsab taħt pressjoni biex jissostanzja bil-provi l-allegazzjoni li Obama kien ħareġ direttiva biex it-telefons ta’ Trump ikunu suġġetti għal moniteraġġ illegali, magħruf bħala tapping, fl-aħħar kampanja elettorali għall-Presidenza.
Is-Segretarju għall-Istampa tal-President Trump qal li inkjesta dwar allegat indħil tar-Russja fl-aħħar elezzjoni għall-Presidenza Amerikana għandha tevalwa wkoll jekk setax kien hemm każ ta’ abbuż mill-poteri eżekuttivi.
Diversi sorsi f’Washington, qabel, qalu li l-kummenti ta’ Trump dwar it-tapping huma serji u li hu għandu jispjega fid-dettall l-allegazzjoni waqt li jgħid kif hu kien sar jaf bil-każ potenzjali. Dan wara li Trump kien ħareġ bl-allegazzjoni permezz ta’ sensiela ta’ tweets u mingħajr ma ppreżenta l-provi. Fl-istess ħin, il-President Amerikan qed jiffaċċja skrutinju dejjem aktar intensiv dwar allegat indħil mir-Russi b’appoġġ għall-kampanja elettorali tiegħu li wasslitu sal-White House.
Min-naħa tagħhom, kelliema għall-eks President Obama qed jinsistu li hu ma ordna qatt li xi ċittadin Amerikan jitqiegħed taħt forma ta’ sorveljanza.
Meta ħareġ bit-tweets partikulari (mid-dar tiegħu fi Florida), Donald Trump kien fisser l-allegat tapping bħala ‘simili għall-każ ta’ Nixon u Watergate’. Dan b’referenza għall-iskandlu politiku tal-1972 li kien wassal għar-riżenja tal-eks-President Amerikan, Richard Nixon.
//= $special ?>