Terzi persuni li qatlu lin-negozjant David Abela ta’ 51 sena fir-residenza tiegħu fis-Swieqi kienu ilhom barra jistennewh jirritorna d-dar għal ammont ta’ ħin. David Abela nqatel sbieħ it-Tnejn li għadda u nstab mejjet mis-sieħba tiegħu hekk kif irritornat mis-safar.
Il-gazzetta il-mument illum qed tirraporta li sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li minn aktar stħarriġ u analiżi li l-pulizija komplew jagħmlu fl-aħħar sigħat jirriżulta mill-cameras CCTV, b’mod partikulari minn waħda minnhom mar-residenza ta’ David Abela, li minn ħin qabel – jiġifieri matul il-lejl – kien hemm movimenti biswit l-istess dar. Jirriżulta li biswit id-dar kien hemm terza persuna jew terzi persuni liebsa l-iswed u saħansitra bil-wiċċ mgħammad.

Min wettaq id-delitt ħa ħsieb li jħalli impronti mill-inqas għalkemm l-esperti forensiċi irnexxielhom jiġbru għadd ta’ impronti importanti; disa’ marki ta’ rfis fl-art li ħallew warajhom dawk li ħadu sehem fid-delitt ta’ David Abela.
“Dawn l-iżviluppi ġodda jibdlu xi ftit ix-xenarju dwar dan id-delitt li jibqa’ mdawwar b’għadd ta’ misteri li sa issa għadhom mhux iċċarati,” qalu s-sorsi li tkellmu ma’ il-mument.

Għadd ta’ mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru din il-ġimgħa bħala “iebsa ħafna għall-investigaturi”. It-terzi persuni involuti f’dan id-delitt la żgassaw ir-residenza biex daħlu fiha u lanqas biss għamlu xi forma ta’ taqlib biex jisirqu mill-ġid li kellu David Abela. Dan kollu kien messaġġ dirett lill-investigaturi li dawk li pparteċipaw fil-qtil ta’ David Abela la kellhom f’moħħhom serq u lanqas li jagħmlu ħsarat fir-residenza tal-vittma.
Is-sorsi spjegaw li l-investigaturi qed jaħdmu biex jistabbilixxu aħjar il-mottiv tad-delitt. “Hu delitt li seħħ waqt mumenti intimi li fihom żviluppaw xi affarijiet mhux mistennija? Jew inkella hu delitt li kien ippjanat sal-inqas dettall u li wara li twettaq il-qattiela ħallew warajhom xenarju fabbrikat? Hemm min hu konvint ukoll li dan hu delitt kummissjonat.”
Fattur li l-pulizija qegħdin jinvestigaw huwa marbut mal-karozza tal-vittma li nstabet abbandunata ħdejn l-impjant tal-ilma f’Pembroke. Il-pulizija għadhom qed jippruvaw jistabbilixxu l-vittma kif irritorna lejn id-dar tard ħafna billejl sbieħ it-Tnejn. “Saq hu lejn id-dar tiegħu, imbagħad sar l-attentat fuqu u l-karozza tiegħu intużat biex il-qattiel jew qattiela ħarbu mill-post tar-reat? Jew lura fid-dar tiegħu hu twassal minn xi ħadd? Jekk din il-probabbiltà hi waħda li tista’ tavvera lilha nnifisha, xorta waħda tibqa’ l-mistoqsija kif il-karozza tiegħu tħalliet abbandunata daqstant ’il bogħod mid-dar tiegħu.” Dawn huma l-mistoqsijiet li qegħdin isiru.
Logħba ta’ intimità b’ingann
Matul il-jiem li għaddew l-investigaturi flimkien mal-membri tal-Forensika kellhom l-opportunità li wara li ħadu f’idhom il-karozza tal-mejjet, jiġbru minn ġewwa fiha ammont ta’ residwi u oġġetti oħrajn li jistgħu jgħinu fl-istħarriġ.
Skont l-aħħar informazzjoni minn sorsi qrib l-investigazzjoni, jirriżulta li faċilment il-logħba tal-intimità kienet biss ta’ ingann, sakemm saret logħba ta’ intimità u fir-residenza tal-mejjet ma kienx hemm aktar minn persuna waħda ta’ ċerta saħħa li flimkien għamlu dak li kellhom jagħmlu.
Iżda dan kollu jista’ jkun imxejjen mill-fatt li l-mejjet ma jidhirx li għamel xi reżistenzi tant li fuq il-ġisem tiegħu waqt l-awtopsja li saret nhar it-Tlieta li għadda, il-patologi ma mmarkaw l-ebda marka relatata ma’ reżistenza. Li nstab fuq il-ġisem tal-mejjet kienu daqqiet – tnejn – fil-parti ta’ fuq tas-sider u li kienu daqqiet ta’ ċerti portata; daqqa oħra fil-parti ta’ wara tal-għonq; u xi daqqiet oħrajn f’partijiet varji tal-ġisem, fosthom fiż-żaqq.
Dak li oriġinarjament kien ta’ tħassib kbir għall-investigaturi kien il-volum kbir ta’ dmija li fih instab il-ġisem bla ħajja ta’ David Abela. Fil-fatt, il-mejjet instab wiċċu ’l fuq fuq is-sodda fil-kamra ewlenija (il-kamra matrimonjali) u kien imgeżwer f’lożor li kienu kollha demm. Taħt il-mejjet kien hemm fuq is-saqqu volum kbir ieħor ta’ demm kif ukoll fl-art fil-viċinanzi tas-sodda.

Qabel id-delitt, il-vittma kien ħassu mhedded mis-sieħba tiegħu
David Abela kien missier ta’ erbat itfal b’kollox – tlieta miż-żwieġ li kellu u wildieħor mir-Russa Irina Alexandrovna Micallef. Kienet is-sieħba tiegħu li nhar it-Tnejn sabitu mejjet u rrappurtat kollox lill-Pulizija. Hi kienet imsiefra u rritornat Malta minn Dubaj. Dawn il-fatti li hi qalet lill-Pulizija hemm l-alibi tagħhom.
Kif hemm alibi wkoll li l-aħħar li l-koppja Abela-Micallef tkellmet kien nhar il-Ħadd filgħaxija. Ir-relazzjoni bejn il-koppja fl-aħħar ġimgħat ma kinitx waħda sana. Kien hemm diversi mumenti meta l-koppja tlewmet b’ċerta qawwa tant li f’okkażjoni partikulari l-mejjet ħassu mhedded serjament mill-mara Russa sal-punt li kellu jirrikorri għand il-pulizija u jagħmel rapport formali. Mhux magħruf jekk wara dak ir-rapport il-Pulizija tkellmitx mal-mara Russa biex twieġeb għall-allegazzjonijiet li kienu saru fil-konfront tagħha mis-sieħeb tagħha, in-negozjant Malti.
Madankollu, persuni qrib il-koppja meta din il-ġimgħa kienu mitkellma mill-pulizija stqarrew li iva, fl-aħħar żminijiet ir-relazzjoni bejn David Abela u s-sieħba Irina Alexandrovna Micallef ma kinitx feliċi.
Fl-istess eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni l-Pulizija kienet interessata ħafna wkoll li tikseb dettalji dwar l-istil ta’ ħajja privata li kien iħobb jgħix il-mejjet. Dawn il-mistoqsijiet kienu instigati li jsiru minħabba l-mod kif David Abela nstab mejjet: kważi għeri għalkollox, marbut minn idejh, marbut minn riġlejh, b’tape oħxon ma’ ħalqu u għal dan kollu jidher li oriġinarjament kien hemm il-kunsens tiegħu.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li l-investigaturi jemmnu li provi sa dan il-punt hemm ftit li xejn biex xi ħadd jitressaq il-Qorti u probabbilment irid ikun xi ħadd li jikkonfessa xi dettalji biex il-Pulizija tkun tista’ tmexxi dwar dan l-omiċidju makabru u stramb fin-natura tiegħu.
//= $special ?>