Futbol Sport

It-tielet rebħa konsekuttiva għal Valletta

Maximiliano Velasco jipprova jżomm il-ballun fil-pitch (Ritratt: Matthew Tabone)

MOSTA……………0

VALLETTA……….3

Mosta: Y. Cini, A. Caruana, M. Toth, T. Farrugia, F. Onwudinjo, K. Magro, D. Fenech, N. Priso, V. Oseghale (K. Jackson 58’), P. Dos Santos Calcado (K. Frendo 77’), J.P. Mifsud Triganza (C. Romero 46’)

Valletta: D. Bartkus, R. Romao, R. Camilleri, J. Borg, L. Aguirre, C. Pani, R. Muscat (L. Montebello 34’), L. Cremona, U. Umeh, S. Malano (N. Pulis 84’), M. Velasco (M. Mifsud 74’)

Imwissija: D. Fenech, C. Romero (M), L. Aguirre (V)

Skurjaw: M. Velasco 37’, 68’, L. Montebello 43’, 83’ (V)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Luke Portelli

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Maximiliano Velasco (Valletta)

Attendenza: 680

 

Żewġ gowls f’kull taqsima kienu biżżejjed għal Valletta biex jiksbu t-tielet rebħa konsekuttiva, isaħħu t-tielet post filwaqt li jżommu r-ritmu ta’ Balzan u Hibernians. Għal Mosta, din kienet telfa li ħalliethom fil-post ta’ qabel tal-aħħar fejn bir-rebħa ta’ Gżira s-Sibt, komplew jinqatgħu mit-timijiet ta’ fuqhom.

Għal Valletta kellu partita tajba Maximiliano Velasco fejn minbarra li skorja doppjetta oħra, kien ta’ theddida kontinwa għad-difiża Mostija. Punt pożittiv għal Paul Zammit kien ukoll ir-ritorn għal gowl ta’ Luke Montebello kif ukoll ir-ritorn għal-logħob ta’ Michael Mifsud. Iżda l-kowċ Belti jrid jara l-kundizzjoni ta’ Rowen Muscat li ħalla l-pitch fl-ewwel taqsima.

L-ewwel darba li Valletta marru qrib li jiftħu l-iskor kien fis-16-il minuta meta minn kross ta’ Umeh, Yenz Cini blokka parzjalment bil-ballun jasal għand Jean Borg li prova b’daqqa ta’ ras li iżda għaddiet fuq il-mimduda. Mosta kellhom ċans tajjeb żewġ minuti wara meta David Fenech qassam lil Njongo Priso, iżda x-xutt tal-aħħar għadda ftit għoli.

Il-Beltin kienu għoddhom fetħu l-iskor fil-25 minuta meta minn kross ta’ Romao, il-ballun spiċċa għand Maximiliano Velasco li evita xi difensuri u għeleb lil Cini, iżda Tyrone Farrugia kien fil-post il-ġust u biegħed il-ballun minn fuq il-linja. Mosta reġgħu marru viċin fid-29 minuta meta Priso qabeż lil Aguirre u prova b’tentattiv fil-lasta, iżda Bartkus għalaq l-angolu tajjeb u salva x-xutt.

Valletta marru fil-vantaġġ fis-37 minuta meta minn kontrattakk, Luke Montebello għadda l-ballun lil MAXIMILIANO VELASCO li avvanza u qabbeż ftit il-ballun fuq Cini bil-ballun jidħol bl-eżatt fix-xibka.

Il-Beltin għamluhom tnejn qabel tmiem l-ewwel taqsima. Kienet azzjoni personali mill-isbaħ ta’ Santiago Malano li għadda l-ballun lejn is-sostitut LUKE MONTEBELLO li kkontrolla l-ballun u għeleb lil Cini b’xutt fil-baxx għar-rokna.

Mosta kellhom l-aħjar okkażjoni fit-58 minuta meta Victor Oseghale krossja tajjeb lejn Njongo Priso li prova b’xutt mill-ewwel, iżda Bartkus kien pront u salva t-tentattiv b’riflessi tajbin. Il-Beltin kellhom okkażjoni tajba fil-65 minuta meta Luke Montebello qassam lil Llywelyn Cremona li kompla lejn Velasco, iżda t-tentattiv tal-attakkant spiċċa fuq il-lasta.

Iżda tliet minuti wara, MAXIMILIANO VELASCO għamel l-iskor 3-0 meta rċieva kross perfett mingħand Uchenna Umeh u minn quddiem Cini ma żbaljax b’konklużjoni mill-ewwel. Mosta baqgħu jippruvaw jiskurjaw u fis-70 minuta, xutt fil-baxx ta’ Pedro dos Santos Calcado ġie mxellef għal korner.

Il-Beltin komplew jattakkaw u fil-71 minuta setgħu skurjaw b’kontrattakk ta’ Malano li għadda lejn Umeh, iżda x-xutt tal-aħħar għadda għoli. It-tim ta’ Paul Zammit finalment skurja r-raba’ gowl fit-83 minuta, b’azzjoni tajba tas-sostitut Michael Mifsud li qabeż lil Tyrone Farrugia u krossja fil-baxx lejn LUKE MONTEBELLO li minn pożizzjoni ċentrali kompla għal ġewwa.