Internazzjonali

Tiżdied it-tensjoni bejn il-Malasja u l-Korea ta’ Fuq

L-awtoritajiet fil-Malasja keċċew lill-Ambaxxatur tal-Korea ta’ Fuq residenti fi Kuala Lumpur wara li hu ikkritika l-investigazzjonijiet li qed imexxu l-Malasjani dwar il-qtil ta’ ħu l-President tal-Korea komunista li kien seħħ ix-xahar li għadda fl-ajruport ta’ Kuala Lumpur.

L-ambaxxatur komunista, Kang Chol, ingħata 48 siegħa żmien biex iħalli l-Malasja, wara li spiċċa ddikjarat bħala persona non grata.

Intant, il-Ministeru Malasjan għall-Affarijiet Barranin qed jinsisti għal apoloġija wara li l-ambaxxatur inkwistjoni sostna li l-Korea ta’ Fuq ma tistax tafda l-mod kif il-Malasja qed tieħu ħsieb l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Kim Jong-nam, li kien ħu l-Mexxej Korean komunista.

L-awtoritajiet fil-Malasja għamluha ċara li għadhom qed jistennew forma ta’ skuża min-naħa tal-Korea ta’ Fuq. Filwaqt li l-Malasja ma akkużatx direttament lill-Korea komunista dwar il-qtil ta’ Kim Jong-nam, hemm suspett qawwi li r-reġim fi Pyongyang kien responsabbli għar-reat, fejn żewġ nisa fl-ajruport kienu ċappsu sustanza velenuża ma’ wiċċ il-vittma li spiċċa jmut ftit tal-ħin wara.