Futbol Sport

Tottenham waħedhom fit-tieni post

Dele Alli jiskorja t-tielet gowl għal Tottenham (Ritratt: EPA)

Tottenham telgħu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika wara li f’White Hart Lane għelbu li Everton 3-2. Il-protagonist għalihom kien l-attakkant prinċipali HARRY KANE li fetaħ l-iskor wara 20 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa li għeleb lil Robles. Tottenham irduppjaw fis-56 minuta meta reġa’ kien HARRY KANE li kkonkluda fil-baxx wara li żball fid-difiża ta’ Everton.

It-Toffees reġgħu daħlu fil-partita fil-81 minuta b’xutt fil-baxx għar-rokna ta’ ROMELU LUKAKU, iżda Tottenham serrħu rashom mill-punti fit-92 minuta wara li DELE ALLI żmarka ruħu tajjeb u mattar siequ biex għeleb lil Robles. Minuta wara, Everton reġgħu skorjaw permezz ta’ ENNER VALENCIA, iżda ma kienx għad fadal ħin biex isalvaw xi ħaġa mil-logħba.

F’partita oħra, Manchester City telgħu fit-tielet post punt taħt Tottenham b’logħba anqas, meta għelbu lil Sunderland 2-0 fi Stadium of Light. SERGIO AGUERO fetaħ l-iskor fit-42 minuta meta daħal tajjeb għal kross ta’ Sterling u għeleb lil Pickford mill-viċin. City irduppjaw l-iskor mas-siegħa logħob meta LEROY SANE skorja b’xutt djagonali fil-baxx li ħabat mal-wieqfa qabel ma daħal fix-xibka.