Futbol Sport

Tripletta ta’ da Silva Souza twitti t-triq għal rebħa ta’ Balzan

Lydon Micallef jipprova azzjoni personali fit-tieni taqsima (Ritratt: Matthew Tabone)

PEMBROKE A…………2

BALZAN…………………5

Pembroke: F. Tabone, M. Attard (Z. Grech 66’), S. Eboh, Z. Levnaic, I. Roppas, G. Nagaoka (T. Fenech 75’), P. Giannopoulos, D. Jawad, T. Radovnikovic, D. Falzon, R. Kooh Sohna

Balzan: C. Cassar, S. Arab, C. Brincat (J. Grioli 70’), E. Serrano Valero, S. Bezzina, A. de Barros, P. Fenech, A. da Silva Souza (A. Nafti 63’), M. Piciollo, A. Effiong (L. Micallef 68’) B. Kaljevic,

Imwissija: E. Serrano, C. Brincat (B), Z. Levnaic (P)

Skurjaw: A. da Silva Souza 11’, 42’, 60’, B. Kaljevic 64’, M. Piciollo 74’ (B), G. Nagaoka 18’, D. Falzon 83’ (P)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Paul Apap, Dusan Petrovic

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Alan da Silva Souza (Balzan)

 

Tripletta ta’ Alan da Silva Souza wittiet it-triq għal rebħa importanti għal Balzan li biha reġgħu jinsabu fil-quċċata tal-klassifika punt fuq Hibernians. Kif jixhed l-iskor, ir-rebħa ta’ Balzan kienet meritata, iżda kellhom jitħabtu ftit wara reazzjoni ta’ Pembroke, u kien it-tielet gowl li għalaq il-logħba.

Għal Pembroke din kienet it-tielet telfa konsekuttiva li ħalliethom f’qiegħ il-klassifika fejn l-affarijiet qed ikomplu jikkumplikaw ruħhom hekk bis-sitwazzjoni preżenti tal-klassifika, l-għażliet għalihom qed ikunu r-relegazzjoni u l-play-off.

Balzan bdew mill-bidu tal-logħba fuq l-attakk u wara erba’ minuti marru viċin meta minn kross mix-xellug, xutt mill-ewwel ta’ Matteo Piciollo għadda ftit barra. Balzan fetħu l-iskor fil-11-il minuta b’azzjoni personali ta’ ALAN DA SILVA SOUZA li ħasad lil Fredrick Tabone b’xutt minn pożizzjoni ferm angolata.

Pembroke wettqu reazzjoni u fit-18-il minuta ġabu d-draw meta minn korner ta’ Daren Falzon, Rudovnikovic kompla l-ballun lejn GO NAGAOKA li mill-viċin għeleb lil Christian Cassar.

Ir-reazzjoni ta’ Balzan waslet fit-32 minuta b’xutt ta’ Piciollo li kien imxellef u għadda ftit għoli. Erba’ minuti wara,  xutt mill-ewwel ta’ Paul Fenech għadda ftit barra.

Balzan reġgħu marru minn fuq fit-42 minuta meta ALAN DA SILVA SOUZA ħa vantaġġ minn inċertezza fid-difiża u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Tabone. Iżda qabel tmiem l-ewwel taqsima, Pembroke marru viċin id-draw għat-tieni darba, bi free-kick ta’ Daren Falzon li Christian Cassar salva fil-ħin.

Balzan ħarġu fit-tieni taqsima biex jagħlqu l-logħba u fit-53 minuta xutt fil-baxx ta’ Matteo Piciollo għadda ftit barra. Żewġ minuti wara da Silva Souza għadda lejn Kaljevic iżda x-xutt fil-baxx tiegħu ġie salvat.

Iżda t-tielet gowl għal Balzan wasal mas-siegħa logħob. Kienet azzjoni personali ta’ ALAN DA SILVA SOUZA li daħal fil-kaxxa u b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Tabone għat-tielet darba. Balzan serrħu rashom definittivament mill-punti ħames minuti wara, meta kien l-aqwa skorer tal-kampjonat BOJAN KALJEVIC li rċieva mingħand is-sostitut Nafti u b’xutt mill-ewwel mill-viċin għeleb lil Tabone.

Id-distakk kompla jikber fl-74 minuta meta din id-darba kien Lydon Micallef li għadda lejn MATTEO PICIOLLO li minn pożizzjoni ftit angolata, spara fis-saqaf tax-xibka. Lydon Micallef seta’ għaqqad in-nofs tużżana fis-77 minuta iżda wara li qabeż diversi difensuri, naqas li jikkonkludi.

Pembroke naqsu d-distakk fit-83 minuta meta free-kick angolat ta’ DAREN FALZON qarraq bid-difiża u l-gowlkiper Cassar u daħal fix-xibka.