Uffiċjali għolja fl-Armata mistennija jieħdu żieda fil-paga tagħhom li tammonta għal madwar għaxart elef ewro, jew inkella żieda ta’ 25 fil-mija.
Dan seħħ fi ftehim bil-moħbi li żvelatu llum The Sunday times of Malta. Din iż-żieda se tingħadda lil 20 uffiċjal għoli tal-armata. Dan jikkuntrasta ma dak li ħabbar il-Ministru Carmelo Abela il-ġimgħa li għadda, meta qal li s-suldati regolari, se jingħataw xhieda ta’ għaxar fis-siegħa għas-siegħat żejda li se jkunu qed jaħdmu b’rabta mal-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea. Meta intbagħat mistoqsijiet biex iwieġeb għal din l-istorja il-Ministeru ta’ Carmelo Abela baqa’ ma weġibx.
Dan il-ftehim kien ikkomunikat mal-fizzjali tal-armata f’laqgħa li saret il-ġimgħa li għaddiet u li għaliha attendew biss uffiċjali għolja tal-armata.
Din iż-żieda se tkun tikkonsisti f’allowance għar-responsabiltà, kif ukoll allowance għat-trasport u l-komunikazzjoni.
Uffiċjal għoli tal-armata li kien preżenti għal din il-laqgħa u li tkellem mat-Times qal li issa min hu fil-kariga ta’ Logutenent Kurunell u li kellu paga ta’ €35,000 fis-sena, issa mistennija li jkollu pakkett ta’ €44,000. L-istess japplika għall-kurunelli u anke għad-deputat kmandant.
Sorsi fl-armata qalu li żieda bħal din hi bla preċedent li rrabjat mhux ftit lis-suldati li jinsabu fi gradi aktar baxxi. Is-sorsi qalu lil dan il-ġurnal li dawk li ngħataw l-allowance fil-maġġoranza huma l-istess nies li ngħataw promotions mill-Gvern Laburista.
Il-Gazzetta qed tgħid ukoll li mistennija li jkun hemm pakketti finanzjarji simili għall-uffiċjali għolja tal-Korp tal-Pulizija.
//= $special ?>