Lokali

AĠĠORNATA: Se jiżżewġu llejla fl-isptar biex jiċċelebrawh ma’ missierha li qed imut

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji
Ftit minuti wara li ttellgħet il-post fuq Facebook, il-ġenerożità tal-Maltin reġgħet spikkat hekk kif inġabru l-affarijiet kollha neċessarji sabiex isir dan it-tieġ fi żmien tant qasir.

Koppja li kellha tiżżewweġ fit-18 ta’ Marzu li ġej kellhom ibiddlu l-pjanijiet kollha hekk kif missier it-tfajla jinsab f’qagħda kritika l-isptar. Filfatt jidher li missier it-tfajla mhux se jagħmilha sat-18 ta’ Marzu u b’hekk il-koppja se tkun qed tiżżewweġ fis-7pm ta’ llejla fl-Isptar Mater Dei stess.

Dyna Spiteri, qariba tal-għarusa, tellgħet post fuq il-profil ta’ Facebook tagħha sabiex tagħmel appell għall-għajnuna. Fil-messaġġ tagħha hi spjegat li sabiex jagħmlu dan it-tieġ ta’ malajr, isbaħ u aħjar, qed jitolbu l-għajnuna kollha neċessarja, fosthom nies li jistgħu jieħdu filmati u ritratti ta’ dan il-mument speċjali. Qed jitolbu wkoll għajnuna sabiex jitweħħlu dekorazzjonijiet fis-sala tal-isptar stess sabiex jagħmlu l-atmosfera isbaħ. Apparti minn hekk, appell importanti huwa li l-għarusa għandha bżonn ukoll libsa tat-tieġ sabiex tkun tista’ taqta’ x-xewqa ta’ missierha li jaraha liebsa l-lisba bajda tat-tieġ.

Aġġornata:

Netnews.com.mt tkellem ma’ Dyna Spiteri. Hi kkonfermat illi fi ftit minuti wara li ttellgħet il-post fuq Facebook, il-ġenerożità tal-Maltin reġgħet spikkat hekk kif inġabru l-affarijiet kollha neċessarji sabiex isir dan it-tieġ fi żmien tant qasir.