Alexandru Hrinca ta’ 30 sena u Silviu Mirica ta’ 34 sena, it-tnejn ċittadini Rumeni b’indirizz f’Malta mhux magħruf, tressqu l-Qorti akkużati fost oħrajn li serqu b’iktar minn €10,000 għad-danni tal-banek HSBC, Bank of Valletta u APS.
Quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia, iż-żewġt irġiel kienu akkużati li fl-4 ta’ Marzu 2017 u fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel, ħadu pussess ta’ data software jew idokumentazzjoni oħra mingħajr awtorizzazzjoni. Barraminhekk huma kienu akkużati wkoll li kisbu aċċess mhux awtorizzat billi użaw kodiċi ta’ aċċess, password, jew mezz ieħor ta’ dħul jew informazzjoni personali oħra ta’ utenti.
Fil-proċeduri kontra Silviu Mirica, l-Ispettur Vella esibixxa diversi dokumenti fosthom 9 cards foloz u €270 flus kontanti li nstabu fuq il-persuna tal-akkużat. Minkejja l-parir li ngħata mill-avukat tiegħu Joseph Ellis, Mirica wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ Alexandru Hrinca, l-Ispettur Vella ippreżenta 50 card falza li nstabu fuq il-persuna tiegħu meta kien arrestat.
Żewġ Rumeni kienu arrestati mill-Pulizija wara li nqabdu jiffrodaw 1,000 ‘card’ tal-bank b’rapporti li minnhom serqu madwar €10,000.
L-investigazzjonijiet li għamlu l-Pulizija tar-Reati Ekonomiċi u tar-Rapid Intervention Unit bdew wara li persuna rrappurtat SMS li rċeviet mis-sistema tal-bank tagħha dwar ġbid ta’ flus li seħħ. Dan minkejja li, fil-verità, ir-raġel ma kien ġibed xejn.
L-investigazzjonijiet wasslu biex il-Pulizija identifikaw lir-Rumeni, li jiffurmaw parti minn grupp ta’ aktar Rumeni. Fl-mira, huma kellhom numru ta’ ATMs, fosthom f’Buġibba, fil-Qawra, fil-Mosta fir-Rabat, fiż-Żejtun, f’Bulebel, f’Marsaxlokk, fil-Belt, f’Ħaż-Żabbar u fil-Fgura.
Ir-rapporti jgħidu li xi ħadd mir-Rumeni involuti kkopja madwar 1,000 ‘card’ falza b’informazzjoni fihom. Barra minhekk, ‘cameras’ żgħar li twaħħlu mal-ATMs aktarx għamluha faċli biex ikunu kkupjati l-PIN Numbers tal-vittmi.
Jirriżulta li wieħed mir-Rumeni kien arrestat waqt li kien qed jiġbed il-flus minn ATM f’Buġibba, bit-tieni Rumen kien arrestat ftit sigħat wara fil-Gżira. Huma ġew identifikati mill-‘cameras’ tas-sigurtà li l-ATMs għandhom imwaħħlin magħhom.
Ir-rapporti jgħidu li r-Rumeni l-oħrajn aktarx ħarbu mill-pajjiż, fejn mhux ikun eskluż li l-Pulizija toħroġ Mandat ta’ Arrest Ewropew għalihom.
//= $special ?>