Lokali

Appell għal informazzjoni dwar sid ta’ kelba li ma marx lura għaliha

Sophie - il-kelba abbandunata minn sidha
Meta marru sabiex jirritornaw lil Sophie lura, ir-raġel ma kienx fl-istess indirizz u n-numru ta’ telefown li pprovdilhom mhux tajjeb ukoll.

Rapreżentanti Tat-Tarġa Kennels għadhom kemm ħarġu messaġġ ta’ appell għall-għajnuna wara li sid waħda mill-klieb li kienu qed jieħdu ħsieb ma rritornax għaliha.

Dan il-każ ġie mgħaruf hekk kif waħda mill-persuni li tieħu ħsieb il-klieb f’Tat-Tarġa Kennels, Joanne Farrugia Tabone kitbet post fuq il-profil tagħha ta’ Facebook sabiex tfittex għajnuna mingħand nies li jista’ jkun jafu lil Thompson.

Ma’ Netnews.com.mt Joanne qalet li Thompson kien ċempel u talab is-servizz tagħhom sabiex jieħdu ħsieb lill-kelba Sophie, sat-3 ta’ Marzu li għadda. Il-kelba nġabret mill-appartament ‘Ohey’ fi Triq il-Qawra l-Qawra, indirizz li ngħata mir-raġel stess. Madanakollu, meta marru sabiex jirritornaw lil Sophie lura, ir-raġel ma kienx fl-istess indirizz u n-numru tat-telefown li pprovdilhom mhux tajjeb ukoll. Joanne qaltilna li meta ppruvat tistaqsi lil xi nies li jgħixu fl-istess blokka ta’ appartamenti ta’ Thompson, huma qalulha li l-appartament tagħhom kien mikri u jista’ jkun li anki tar-raġel kien fuq kirja.

B’hekk, permezz tal-midja soċjali, Joanne qed titlob lil nies li jista’ jkunu jafu min jikri dawn l-appartamenti fil-Qawra sabiex jippruvaw jaslu għal dan ir-raġel bl-isem ta’ Thompson.

Sophie se tkun ilha 19-il ġurnata fix-xelter tal-klieb.

Xerred dan l-artiklu sabiex jinstab sid Sophie.